Il-Kummissjoni tal-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar bagħtet lura għar-reviżjoni l-proġett residenzjali li jinkludi 61 post ta’ parkeġġ u kostruzzjoni ta’ 40 appartament u 11 -il penthouse fi Triq il-Qortin fin-Nadur, Għawdex.
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar stqarret li l-Kummissjoni nnotat li minkejja li l-proposta oriġinali tnaqqset fid-daqs, il-proporzjonijiet u d-disinn tal-proġett kienu għadhom ma kinux kongruwenti mal-madwar.
Kien għalhekk li, waqt seduta li saret dalgħodu, il-Kummissjoni tal-Ippjanar esprimiet l-opinjoni tagħha li, biex il-proġett jiġi kkunsidrat, jeħtieġ li jitnaqqas l-għoli tal-proġett propost biex il-binja tibqa’ f’armonija mal-madwar.
Minkejja li l-perit ippreżenta pjanti riveduti wara l-ewwel seduta quddiem il-bord, l-Awtorità talbet aktar tnaqqis fil-massa ġenerali u li l-proġett ikun aktar imtarraġ.
Il-proġett propost fin-Nadur jinsab fiż-żona tal-iżvilupp mill-1998 skont il-pjan regolatur u l-bini hu propost li jiġi rtirat ’il ġewwa bi 3 metri mill-konfini taż-żona mhux għall-iżvilupp mal-ġenb is-sit.
Id-deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni hija skedata għat-3 ta’ Diċembru.