Fi stqarrija, Interconnect Malta laqgħet id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tapprova l-permessi għall-iżvilupp tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija.
Il-proġett approvat jinkludi x-xogħlijiet meħtieġa għat-tqegħid ta’ din il-konnessjoni ta’ cables fuq l-art u f’qiegħ il-baħar. Intqal li dan l-iżvilupp huwa pass importanti fit-twettiq tal-pjan għas-sostenibbilità tas-settur tal-enerġija f’pajjiżna.
Il-Maniġer ta’ Interconnect Malta, l-Inġinier Joseph Vassallo spjega li l-permessi tal-iżvilupp għal dan il-proġett jikkonkludu sentejn ta’ ppjanar u studji li kienu meħtieġa għad-disinn tat-tieni interconnector.
B’dan se jgħaddi minn rotta differenti, b’distanza sigura minn dik tal-ewwel Interconnector bejn Malta u Sqallija, li beda jopera fl-elfejn u ħmistax.
Min-naħa tagħha f’din l-istqarrija, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli spjegat li dan it-tieni interconnector hu proġett kruċjali fil-pjan ta’ pajjiżna għat-tisħiħ tas-sostenibilità u s-sigurtà tas-settur tal-enerġija f’Malta.
Dr Dalli sostniet li dan il-proġett se jżid il-kapaċità u l-flessibilità tal-infrastrtuttura tal-elettriku ta’ pajjiżna biex tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-enerġija fil-futur, waqt li tiffaċilita iżjed investiment fl-enerġija rinnovabbli.
Dan il-proġett mistenni jkun lest sal-2026.