Madwar 20 tomna ta’ art f’Wied Inċita se jiġu trasformati fi spazju miftuħ wara li l-Awtorità tal-Ippjanar tat permess biex jibdew ix-xogħlijiet, li jinkludu numru ta’ interventi, inklużi riabilitazzjoni u restawr, biex l-ispazju ikun sigur u aċċessibbli għal kulħadd.
Wara li jitlesta l-proġett, li se jitwettaq mid-direttorat Ambjent Malta, fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, il-post imdaqqas ikun jista’ jilqa’ lill-pubbliku inġenerali fi spazju ieħor miftuħ u aċċessibbli għal kulħadd.
ONE News tkellem mad-Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta, Herman Galea, li spjega fiex se jkun qed jikkonsisti dan ix-xogħol.
Qal, “Aħna applikajna dan l-aħħar biex nagħmlu intervent f’Wied Inċita fejn madwar għoxrin tomna t’art se jkun qed isir intervent fihom. Se jitneħħew numru ta’ siġar, li mhumiex indiġeni, imma huma invażivi, materjal u ħa jkun qed jerġa’ jiġi miftuħ lura lill-pubbliku u jkun iktar sigur. Mal-interventi li se nkunu qegħdin nagħmlu, se nirrrestawraw numru ta’ ħitan tas-sejjieħ biex jilqa’ għall-ħamrija li hemm fuq il-post.”
Ambjent Malta wkoll se tkun qed tħawwel mas-700 siġra u arbuxelli ġodda f’partijiet miż-żona li bħalissa huma vojta.
Din it-trasformazzjoni tinkludi l-installazzjoni ta’ għamara ta’ barra, waqt li, għas-sigurtà tal-pubbliku, se jiġi installat ċint tal-injam tul il-ġnub tal-għelieqi u anke ċint protettiv tul il-perimetru tas-sit.
Għaldaqstant iż-żona se sservi bħala nifs ġdid lill-komunità, waqt li toffri opportunitajiet ta’ rikreazzjoni għall-familji Maltin u Għawdxin.