L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-proġett imwiegħed mill-Gvern għall-gżira Għawdxija, dak tal-Gozo Rural Airfield, bil-għan li tiżdied il-konnettività bejn l-arċipelagu Malti permezz ta’ mitjar fil-limiti tax-Xewkija.
Il-proġett se jassigura li ebda art verġni jew agrikola ma tittieħed, iżda minflok se jinkludi l-estensjoni tar-runway eżistenti fuq art diġà kommessa sa mill-2006 minn Gvern Nazzjonalista. Sa ftit ilu s-sit kien lok għal abbuż għal rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni.
Iżjed minn hekk, għal dan il-proġett ingħatat importanza lill-aspett ambjentali, fejn se jkunu qed jiġu mħarsa miżuri ta’ mitigazzjoni biex jonqos kemm l-impatt viżiv kif ukoll ħsejjes iġġenerati mill-attività.
Fuq Facebook, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, iddeskriva din il-ġurnata bħala waħda storika għall-konnettività f’Għawdex.
Il-Ministru Camilleri spjega kif, fil-ġimgħat li ġejjin, issa se tkun qed toħroġ sejħa għall-offerti biex jibda x-xogħol fuq l-estensjoni tar-runway eżistenti u l-faċilitajiet tal-madwar ħalli minn sit fi stat dilapitat jiġi trasformat għal wieħed li jtejjeb il-ħajja tal-Għawdxin.
Hu temm jgħid ukoll li l-Gvern dalwaqt se jkun qed isewwi l-inġustizzji, li saru fil-konfront tar-residenti tax-Xewkija minn Gvern Nazzjonalista.
Fi stqarrija separata, l-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, il-GTA, faħħret dan l-iżvilupp bħala pass deċiżiv u konkret lejn il-konnettività bejn il-gżejjer, waqt li tenniet li tinsab ħerqana tara l-bidu tal-proġett.