Il-katina tas-supermarkets Lidl se tkun qed tiftaħ ħanut t ġdid f’Ħaż-Żebbuġ.
Dan wara li ngħataw permess mill-Awtorità tal-Ippjanar wara li ġiet riveduta l-applikazzjoni u saru suġġerimenti biex din tiġi aċċettata, liema bidliet ġew milqugħa.
Fi stqarrija l-Bord tal-Awtorità nnota kif il-kwistjonijiet li ssemmew ġew indirizzati mill-applikant fosthom it-tneħħija tal-parkeġġi u fejn kienu jinsabu, liema żona issa se tkun qed issir bħala żona bis-siġar.
Intqal li l-applikant naqqas it-teħid tal-art f’żona barra l-iżvilupp.
L-applikant se jkun qed joħloq ukoll żona fejn jiġu pparkjati r-roti u kif ukoll żona fejn jiġu ċċarġjati karozzi elettriċi filwaqt li ser jirrestawra b’mod sħiħ il-Mitħna ta’ Srina.
Il-Bord semma wkoll kif jinsab sodisfatt bl-assessjar li sar b’rabta mal-istudji dwar l-impatt fuq iż-żona bit-traffiku.
Il-proġett se jibda billi titwaqqa’ fabbrika tal-għamara u anki se jsir tħaffir biex jinbena parkeġġ taħt l-art.