L-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-applikazzjoni ta’ pjanar biex jinbena ċentru tas-saħħa reġjonali ġewwa Raħal Ġdid.
Il-bini propost jinkludi basement u seba’sulari fuq l-art, kif ukoll se jkun hemm parkeġġ ta’ 230 karozza.
Fi stqarrija d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne qal li jinsab sodisfatt li l- Awtorità tal-Ippjanar approvat dan il-proġett, proġett li se jwassal biex naraw il-qasam tal-kura primarja b’mod differenti.
“Permezz ta’ dan iċ-Ċentru Reġjonali, dawk kollha min-naħa t’isfel ta’ Malta, se jkunu jistgħu jinqdew għall-ħafna servizzi relatati mas-saħħa, fil-komunità taghhom stess,” qal Chris Fearne.
L-applikazzjoni għall-iżvilupp tal-Paola Hub tinkludi it-twaqqigħ tal-klabb tal-boċċi u ġnien pubbliku, u l-bini taċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali, li fost oħrajn jinkludi teatru tal-operazzjonijiet, għadd ta’ kliniċi speċjalizzati, spiżerija u servizz ta’ ambulanza.
B’rabta ma’ dan il-proġett, fl-aħħar jiem inħareġ ukoll tender għad-design and built. Is-sottomissjonijiet għal dan it-tender se jibqgħu miftuħin għal xahrejn u se jagħlqu fil-21 ta’ Novembru.
Il-kuntratt għad-disinn u l-bini tal-Paola Hub jiswa €26 miljun, filwaqt li l-proġett komplut tal-Paola Hub mistenni jkun ta’ €39 miljun li ħafna minn din is-somma se jkunu fondi Ewropej.