Fil-jiem li għaddew, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat b’mod unanimu l-bini ta’ pipeline tal-gass taħt il-baħar bejn Malta u Gela fi Sqallija.
Il-pipeline approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar mistenni jkun twil mija u disgħa u ħamsin kilometru.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA wkoll tat il-barka tagħha għal dan il-proġett bil-kundizzjoni li l-proġett iżomm ma’ kriterji li jissalvagwardjaw l-ambjent.
L-entità tal-Gvern, Interconnect Malta, responsabbli mill-proġett tal-pipeline, ħabbret id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Malta kisbet deroga mill-Unjoni Ewropea biex il-pipeline propost mill-Gvern Malti jkun rikonoxxut bħala proġett ta’ interess komuni għall-Ewropa.
ONE News huwa infurmat li dan il-proġett qed jiġi ridisinjat biex mill-pipeline ma jgħaddiex biss l-gass tal-LNG iżda eventwalment l-idroġenu.
Qed isiru wkoll studji biex il-proġett ikun konformi mal-politika Ewropea tal-Green Deal li tindirizza l-isfidi tat-tibdil fil-klima.
L-istudji mistennija wkoll jitfgħu dawl fuq l-ispejjeż marbuta mat-trasport u l-produzzjoni tal-idroġenu, tip ta’ gass li huwa nadif iżjed mil-LNG.
Dawn l-istudji huma importanti wkoll għall-finanzjament mill-Unjoni Ewropea.