Id-Direttorat tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar għalqet sit wara li waqqfet l-operat ta’ konkrit illegali.
Tul din l-aħħar sena, iż-żona tal-agrikoltura magħrufa bħala l-Palma fil-limiti tal-Imġarr, ġiet żviluppata f’impjant fejn jinħadem il-konkrit u fejn jinżamm makkinarju kbir u vetturi.
Minkejja, n-notifiki u l-ispezzjonijiet li saru, l-Awtorità nnutat li l-illegalitajiet u l-operat baqgħu jikbru.
Fost oħrajn kien hemm xogħol ta’ skavar u żieda fl-ammont ta’ art meħuda minn struttura illegali.
B’hekk l-awtorità imponiet multa ta’ kuljum li spiċċat tammonta għal tmintax-il elf ewro.
F’operazzjoni konġunta bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Korp tal-Pulizija, tneħħew il-vetturi u l-makkinarju.
Dan filwaqt li l-Awtorità ser tkun qed tagħmel xogħol ta’ moniteraġġ biex tassigura li t-tagħmir u l-makkinarju jitneħħa biex is-sit jerġa’ lura fl-istat oriġinali tiegħu.