L-Awtorità tal-Ippjanar, il-Ħamis, mistennija tibda tevalwa l-applikazzjoni tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għall-bini fil-prinċipju tat-tieni proġett ta’ Skyparks biswit dak diġà eżistenti.
L-applikazzjoni tal-proġett, li hu parti mill-investimenti ta’ kwart ta’ biljun ewro fuq perjodu ta’ sitt snin, jinkludi tliet blokok separati, bil-ħolqien ta’ lukanda ta’ erba’ stilel b’sitta u disgħin kamra.
Minbarra hekk, il-proġett jindika li tnejn mill-blokok ikunu għoljin sa tmin sulari, waqt li t-tielet, li jiġbor fih il-lukanda, jogħla sa għaxar sulari. Qed jiġi propost wkoll l-iżvilupp ta’ pjazza pubblika ġdida u aktar parkeġġi taħt l-art.
Skont Traffic Impact Assessment dwar il-proġett, it-toroq ġodda mibnijin madwar l-iżvilupp jifilħu għal kull tkabbir antiċipat fit-traffiku sal-2031 u lil hinn.
Waqt li s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali nnotat li l-iżvilupp jikkomprometti l-veduti mill-Kappella ta’ Bir Miftuħ, li tinsab qrib, innotat li dawn huma diġà kompromessi mill-blokka tal-ewwel Skyparks.
Il-case officer tal-Awtorità tal-Ippjanar qed jirrakkkomanda li l-applikazzjoni tiġi approvata.
Fid-29 ta’ Novembru li għadda u fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, l-Ajruport ħabbar numru ta’ proġetti, fil-maġġoranza favur l-ambjent, li se jkomplu jtejbu l-immaniġġjar u s-servizzi offruti lill-passiġġieri li jgħaddu minnu.
Dan anke wara li s-sena li għaddiet l-Ajruport irreġistra rekord ta’ aktar minn seba’ miljun passiġġier u din is-sena qed jantiċipa li r-rekord jerġa’ jinkiser.
L-investimenti qed jaraw ukoll il-ħolqien ta’ terminal addizzjonali ġdid fejn ix-xogħlijiet ilhom li bdew.