Żona mitluqa ta’ aktar minn 1,800 metru kwadru se tiġi rranġata u ssir pulmun aħdar fil-qalba tal-Gudja.
Dan se jseħħ wara li l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permess biex din l-art tinbidel fi spazju miftuħ għall-komunità.
Dan l-ispazju, li jinsab fi Vjal it-Torri, se jkun jinkludi bankijiet u siġar.
Is-Sindku tal-Gudja, Maria Sara Vella Gafa, qalet lil One News li dan l-ispazju pubbliku kien abbandunat u għalhekk ir-residenti ma kinux iffitxu li jagħmlu użu minnu.
Issa, permezz tal-approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar, dan l-ispazju se jkun jista’ jitgawda minn kulħadd.
Is-Sindku stqarret, “Hawnhekk qed naraw area, li diġà kienet ikkunsidrata mill-kunsill lokali ta’ snin preċedenti biex tiġi relaxation area. Qed naħdmu u qegħdin naħdmu. Tant hu hekk li fl-aħħar ġimgħat ħareġ il-permess sabiex nagħmlu relaxation area għal nies li joqgħodu fil-Gudja. Din l-area se tkun area li tkun mgawdija minn kulħadd, kemm iż-żgħar kif ukoll il-kbar. Ħa naraw li ikollna area fejn wieħed joqgħod bilqiegħda jaqra ktieb, joqgħod fil-kumdità – tkun area rikreazzjonali għaż-żgħażagħ u anke għat-tfal.”
Is-Sindku tal-Gudja spjegat li din iż-żona hija eżempju wieħed tal-kunċett li qed jitħaddem mill-kunsill biex jiżdiedu spazji żgħar u medji li jipprovdu nifs lill-lokalità u ambjent ta’ mistrieħ għan-nies.
Fil-fatt, is-Sindku spjegat li bħalissa l-Kunsill qed jaħdem fuq diversi proġetti differenti. Mit-tieni ġimgħa ta’ Marzu se tibda konsultazzjoni mar-residenti rigward żona ħdejn il-Knisja ta’ Gudja, li se tkun qed tiġi pavimentata u mħaddra.
Is-Sindku spjegat li din iż-żona hija maħsuba biex fiha tiġi introdotta żona pedonali. Hija spjegat li, fost l-ideat li għandu l-Kunsill għal din iż-żona, hemm li tingħalaq darba fix-xahar u tkun tista titgawda mir-residenti.
Apparti dan il-proġett, il-kunsill lokali qed jaħdem fuq ġnien ġdid fuq parkeġġ taħt l-art fil-Gudja.
Hija qalet, “Ikollna underground parking għar-residenti, kif ukoll fuqu jkun hemm a rooftop garden. Dan ifisser li ikun hemm spazju miftuħ għan-nies li jkun jista’ jitgawda u taħtu parkeġġ għar-residenti. Naħseb li wara li smajna lir-residenti u t-talbiet tar-residenti x’inhuma, dan huwa l-impenn tal-Gudja li qed inressqu ’l quddiem proġetti sostenibbli u proġetti aħjar għar-residenti kollha.”