L-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet għall-konsultazzjoni pubblika r-Reviżjoni Parzjali tal-Pjan Lokali għall-Portijiet tat-Tramuntana tal-2006 fir-rigward tas-sit ta’ Villa Rosa f’Paceville.
Permezz ta’ stqarrija mill-istess Awtorità ġie spjegat li r-reviżjoni proposta tippromwovi s-sit ta’ Villa Rosa bħala destinazzjoni riġenerata għall-turiżmu sostenibbli.
Intqal kif din ir-reviżjoni se tkun qed tirrefletti n-natura ta’ kif jevolvi l-iżvilupp fiż-żona filwaqt li tissalvagwardja l-ambjent permezz ta’ netwerk ta’ spazju aħdar aktar miftuħ u aċċessibbli għall-pubbliku.
B’mod partikolari l-qafas tal-ippjanar rivedut se jinkludu l-protezzjoni ta’ assi ambjentali u kulturali ewlenin, bħall-bini ta’ Villa Rosa skedata fi Grad 1 u l-Għar Ħarq Ħammiem klassifikat Livell 1, billi jiġi żgurat li dawn il-karatteristiċi jiġu ppreżervati filkuntest ta’ żvilupp sensittiv u sostenibbli. Dan filwaqt li l-aċċess pubbliku għar-raba’ se jitjieb b’mod sinifkanti.
Apparti minn hekk, il-proposta qed tistabilixxi li s-sit ikollu minimu ta’ 5,100 metru kwadru ta’ spazju miftuħ għall-pubbliku u 10,610 metri kwadri għal spazju miftuħ privat.
Fost l-affarijiet li din il-proposta se tirregola huma li tistabilixxi limiti ċari fuq l-għoli u d-densità tal-binjiet u teħtieġ disinn ta’ kwalità għolja, effiċjenza fl-enerġija, ġestjoni tal-ilma u tal-iskart, u lintegrazzjoni ta’ infrastruttura ħadra u blu. L-inklużjoni ta’ bini għoli ikoniku ddedikat għal lukandi ta’ livell għoli, permessibbli skont politika tal-2014 se tikkontribwixxi għal-linj tal-iskyline distintiv ta’ Paceville u tappoġġja t-trasformazzjoni tas-sit f’destinazzjoni turistika ewlenija.
Titjib fl-infrastruttura huwa wkoll aspett ieħor ta’ din il-proposta.
Fl-istqarrija maħruġa ntqal kif l-Awtorità qed terġa’ tikkonderma l-impenn tagħha biex dan is-sit jkun wieħed li jibbilanċja l-iżvilupp turistiku ta’ kwalità għolja ma’ tmexxija ambjentali b’saħħitha, benefiċċji pubbliċi u preservazzjoni tal-wirt.
L-Awtorita qed tistieden il-pubbliku biex jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu permezz ta’ email fuq villarosa.consultation@pa.org.mt sa mhux aktar tard mill-11 ta’ Ġunju li ġej.