L-Awtorità tal-Ippjanar, għall-ewwel darba f’9 snin se tkun qed tagħmel qligħ u taqta’ mill-kotba telf ta’ €1.6 miljun li saru mill-MEPA fl-2014 u €1.9 miljun li saru fl-2015. Il-MEPA kienet tingħata s-somma ta’ €3.9 miljun fis-sena bħala għajnuna mill-Gvern.
Meta kienet qed tagħlaq id-dibattitu biex l-Kamra tapprova l-Estimi tal-Awtorità tal-Ippjanar għll-2016, is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri ħabbret li d-dħul din is-sena se jiżdied minn €12.9 miljun s-sena l-oħra għal €14-il miljun, minkejja li għal din is-sena mhux se tingħata għajnuna mill-Gvern.
Dan se jsir minħabba żieda fl-applikazzjonijiet minkejja li l-gvern, f’April 2013, raħħas it-tariffi. L-ispejjeż għal din is-sena se jonqsu minn €19.4 miljun għal €13.7 miljun wara l-miżuri li ħadet l-istess awtorità. L-estimi ġew approvati b’36 vot favur u 31 vot kontra wara division mitluba mill-Oppożizzjoni.