L-Awtorità tal-Ippjanar issoktat b’azzjoni ta’ inforzar biex jitneħħa żvilupp illegali biswit il-Klabb tal-Boċċi f’Tal-Pietà.
Dan wara li l-illegalitajiet kienu suġġetti għal bosta avviżi ta’ inforzar, fosthom estensjonijiet mhux awtorizzati mal-bini eżistenti.
ONE News kien preżenti fuq is-sit fil-bidu ta’ ġimgħa ġdida, fejn seta’ jsegwi l-operazzjoni li kienet għaddejja wara li s-sid għamel tliet mandati l-Qorti.
Tkellimna ma’ Carmel Gafà, li hu l-Principal Direct Action Officer tal-Awtorità tal-Ippjanar.
“Hawnhekk hu każ fejn is-sit għandu livell ta’ protezzjoni ta’ grad numru wieħed. Saru diversi illegalitajiet matul iż-żminijiet fejn anke kkomunikajna mas-sidien biex jiġu konformi mal-liġijiet tal-Planning Authority, imma dan ma sar qatt. Saru diversi tentattivi min-naħa tal-Planning Authority biex tirregola s-sitwazzjoni billi nieħdu azzjoni bħala direct action, imma saru diversi implikazzjonijiet legali.”
Sussegwentament, il-Qorti tat raġun lill-Awtorità tal-Ippjanar u t-Tnejn filgħodu ssoktat bl-azzjoni biex tirregolarizza s-sitwazzjoni.
“Il-post hu naqra sensittiv, anke l-makkinarju u l-mod kif naħdmu jillimitana x’nistgħu nagħmlu, imma bħala Planning Authority determinati li nirregolaw is-sitwazzjoni biex terġa’ ġġib il-post fl-istat li jistħoqqlu.”
L-Awtorità qiegħda f’kuntatt mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali biex tiżgura li x-xogħlijiet ta’ inforzar u azzjoni diretta, isiru b’mod li ma ssirx aktar ħsara fiż-żona skedata.
L-Awtorità qed tkun assistita wkoll mill-Pulizija.