Biswit il-Berġa tal-Baviera, fil-Belt Valletta, il-kumitat tal-Corporate Social Responsability fi ħdan l-Awtorità tal-Artijiet organizza l-ewwel attività għal din is-sena, b’kollaborazzjoni mal-organizzazzjoni mhux governattiva Survivors Malta biex jinġabru fondi għal kawżi ġusti.
Hawnhekk ħaddiema tal-istess awtorità kif ukoll kull min kien mill-inħawi fl-inħawi tan-naħa t’isfel tal-kapitali, seta’ jgawdi minn belgħa kafè tajba u xi ħaġa xi jnaqqar fin-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu mill-vann ta’ din l-NGO.
F’kumment ma’ ONE News, Yanika Abela, membru tal-istess kumitat, tenniet li din turi kemm l-awtorità lesta tagħti sehemha biex tgħin lill-komunità, inkluż b’attivitajiet ta’ dan it-tip li jiġu organizzati ta’ kull xahar.
“Aħna bħala l-Lands Authority, għandna l-Corporate CST Committee, li huwa l-Corporate Social Responsability tagħna, li aħna nagħtu lura lill-komunità f’attivitajiet fejn nistgħu ngħinu. Kull xahar bejn wieħed u ieħor, bħala kumitat, nippjanaw attivitajiet differenti biex kemm indaħħlu l-awtorità f’attivitajiet soċjali u fl-istess ħin naraw kif nistgħu ngħinu lis-soċjetà tagħna.”
Yanika Abela – CSR Committe mill-Awtorità tal-Artijiet
Min-naħa tiegħu, Jacob Cachia, il-moħħ wara l-NGO u l-Jacob’s Pay It Forward Coffee Van, qasam magħna l-iskop wara din l-inizjattiva.
“Bażikament, Survivors Malta, aħna nagħmlu proġetti biex ngħinu lil ħaddieħor, li għaddew minn żmien diffiċli, għax darba minnhom konna jien u l-familja tiegħi. Illum il-ġurnata qed inbiegħu l-kafè mill-vann tagħna, li jismu Jacob’s Brew, Pay It Forward Coffee Van.”
Jacob Cachia – Jacob’s Brew Coffee Van
Wara l-esperjenza kerha li Jacob għadda minnha fl-ITU fl-2013, illum il-ġurnata Jacob qiegħed imur hu stess iqassam il-kafè u s-sandwiches b’xejn lill-qraba li jkunu qed jistennew fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei, fost diversi postijiet oħrajn.
Magħna hu qasam l-esperjenza sabiħa fejn persentaġġ minn dan il-bejgħ tal-kafetterija mobbli qed imur biex Survivors Malta tgħin lil ħaddieħor fi żminijiet diffiċli.
“Persentaġġ mill-bejgħ tal-vann u l-ħanut imorru biex immorru nieħdu kafejiet u sandwiches b’xejn lil min għandu bżonn sapport f’postijiet bħall-ITU, NPICU, Samoc u dawk fit-taqsima tal-vjolenza domestika.”
Jacob Cachia – Jacob’s Brew Coffee Van
Jacob’s Brew ukoll jaqdu l-klijenti tagħhom mill-ħanut li nfetaħ f’Wied il-Għajn, bl-istess skop li parti mill-qligħ imur għal Survivors Malta, li fuq kollox tkompli wkoll twassal messaġġ ta’ tama.