Ġnien fil-qalba ta’ Ħal Lija għadda formalment taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija wara li ġie ffirmat ftehim ta’ devoluzzjoni mal-Awtoritajiet tal-Artijiet, fil-preżenza tal-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli.
Permezz ta’ dan il-ftehim, fejn il-Gvern qed jgħaddi spazju ieħor miftuħ, il-ġnien ta’ kważi erbat elef metru kwadru biswit it-Torri popolari f’din il-lokalità issa se tkun tista’ ssirlu manutenzjoni aħjar u jibda jintuża f’aktar attivitajiet varji għar-residenti.
Is-Sindku ta’ Ħal Lija Anthony Dalli qal li, permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill Lokali se jkompli jieħu ħsieb dan il-ġnien biex in-nies ta’ Ħal Lija u dawk li jżuru l-lokalità jkollhom post ċentrali ta’ rikreazzjoni.
Il-Ministru responsabbli mill-artijiet tenna li l-Gvern hu kommess li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Qal, “Il-ftehim li qed isir bejn l-Awtorità tal-Artijiet flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija jfisser issa li dan il-post sabiħ, spazju miftuħ, jaqa’ direttament taħt ir-responsabbiltà tal-kunsill. Din hi kollaborazzjoni li qed inkomplu nibnu bejn l-awtorità u l-kunsilli lokali għal amministrazzjoni aħjar ta’ spazji pubbliċi, iżda fuq kollox li nassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.”
Hu kompla li lkoll nafu kemm spazji miftuħa ta’ dan il-kobor huma limitati fiċ-ċokon ta’ pajjiżna u għalhekk nemmen li l-Awtorità tal-Artijiet qed twettaq biċċa xogħol tajba biex jiġu identifikati aktar spazji u binjiet pubbliċi li jistgħu jintużaw mill-kunsilli lokali għall-ġid tal-komunitajiet tagħhom.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-kunsilli qalet li dan il-ftehim u oħrajn simili se jkomplu jagħtu lura lill-kunsilli aktar spazji miftuħa li jkunu miżmumin kif jixraq.
Stqarret, “Qed nagħtu aktar saħħa f’idejn il-kunsill lokali, għax issa se jkun qed jieħu ħsieb ta’ din l-art f’ġonna, playing fields u open gym, għax aħna kommessi li nkkomplu nagħtu lura l-ispazji miftuħa lir-residenti, imma mhux biss. Spazji miftuħa u miżmuma tajba. Se nkomplu nkunu ta’ spalla għall-kunsilli lokali ta’ Malta u Għawdex kollha.”