L-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tan-Naxxar iffirmaw ftehim ta’ devoluzzjoni għall-uffiċini amministrattivi tal-istess kunsill li issa se jgħaddu formalment f’idejh.
Din il-binja, minbarra li tospita l-amministrazzjoni tal-Kunsill, isservi wkoll bħala ċentru ċiviku fil-qalba tan-Naxxar minn fejn jiġu pprovduti wkoll is-servizzi ta’ berġa tas-saħħa, l-uffiċċju postali, l-għassa tal-Pulizija u l-uffiċċju tad-Dipartiment Soċjali. Il-binja fiha wkoll sala li tintuża bħala ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani u għal diversi attivitajiet mill-għaqdiet fil-lokalità.
Is-Sindku Anne Marie Muscat Fenech Adami spjegat kemm hu importanti li din il-binja ġiet f’idejn il-Kunsill biex tkun tista’ titgawda aħjar mill-komunità Naxxarija.
“Din hija binja fejn tintuża mill-komunità u għalhekk importanti li tiġi f’idejna ħalli aħna nkomplu nieħdu ħsiebha kif qed nieħdu ħsieb binjiet oħrajn bħall-mitħna, il-Mitħna tal-Għaqba, li ġiet f’idejna ħalli tintuża mill-komunità għall-esebizzjonijiet għall-kultura u hawnhekk tkun id-dar tan-Naxxarin kollha tal-komunità.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, saħqet kif dan il-ftehim se jibbenefika lill-Kunsill Lokali.
“Dan il-ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tan-Naxxar se jkun ifisser li l-Kunsill Lokali tan-Naxxar issa se jkollu aktar fondi fil-but tiegħu biex joħloq aktar inizjattivi u proġetti favur ir-residenti u l-lokalità tiegħu.”
Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi sostna li l-Kunsill Lokali tan-Naxxar se jkun qed jibbenefika wkoll minn skema ġdida ta’ capping fuq il-kirja annwali tal-art.
“Il-Kunsill Lokali tan-Naxxar jibbenefika wkoll mill-capping scheme li għadha kif tħabbret min-naħa tal-Awtorità tal-Artijiet u li, permezz tagħha, ir-rata li titħallas tkun sa massimu ta’ €500. Id-devoluzzjoni tal-binja tal-Kunsill Lokali issa hi finalizzata u, b’hekk, il-Kunsill Lokali jista’ jgħid li fl-aħħar għandu f’idejh b’mod komplet il-binja tal-Kunsill Lokali.”