L-Awtorità tal-Artijiet ma tatx permess biex art tal-Gvern tkun inkluża f’dik li hi magħrufa bħala Planning Control Application fil-Manikata. L-għan ta’ din l-applikazzjoni, li saret mill-privat, hi biex jiżdied il-volum ta’ bini li jista’ jkun permess fuq art li mhix ’il bogħod mill-Knisja skedata tal-Manikata.
L-applikant privat, li daħħal l-art tal-Gvern, kellu bżonn l-kunsens tal-Awtorità tal-Artijiet biex ikun jista’ jagħmel dan. Mat-Times of Malta, l-Awtorità spjegat li m’għandha ebda intenzjoni li tibdel l-iskop tal-art, li għandha fil-Manikata biex ikun hemm aktar żvilupp.
Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Artijiet għamel referenza għaliha l-Prim Ministru Robert Abela, meta f’intervista fuq ONE Radio nhar il-Ħadd, fejn matulha reġa’ appella għal żvilupp sostenibbli.
Qal, “Il-Gvern qiegħed ukoll imexxi bl-eżempju. Fl-aħħar jiem, ħa nerġa’ hawnhekk nagħti eżempju konkret, kellna sitwazzjoni fejn l-Awtorità tal-Artijiet ddikjarat b’mod ċar ħafna f’każ ta’ applikazzjoni fil-Manikata biex jinbidlu l-parametri tal-iżvilupp, jiġifieri kienet applikazzjoni li ddaħħlet mill-privat, biex jinbidlu parametri tal-iżvilupp, li kienet ukoll tolqot ukoll art li hi proprjetà tal-Gvern u kienet tipprospetta din l-applikazzjoni żvilupp f’post li hu sensittiv u l-Awtorità tal-Artijiet iddikjarat b’mod ċar li mhux se tagħti l-permess biex fuq l-art tagħha, jiġifieri l-art tal-Gvern, biex din l-applikazzjoni tkun tista’ timxi ‘l quddiem”.
Fl-aħħar ġimgħat, il-Prim Ministru saħaq għal aktar minn darba li żvilupp li ma jagħmilx sens m’għandux ikun ippjanat u mressaq quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech spiċċa jikkritikah għal dawn id-dikjarazzjonijiet, li fost oħrajn il-Prim Ministru għamilhom meta mistoqsi dwar applikazzjoni li tieħu ġnien fil-qalba ta’ Birkirkara. Dakinhar, filwaqt li tkellem b’mod ġenerali, sostna kif ġonna fil-qalba tal-irħula għandhom ikunu ppriservati.
Qal, “Il-messaġġ tal-Gvern nemmen li hu wieħed li jrid jasal u jrid jasal across the board, għax funzjoni ewlenija tal-Gvern hi dik li jagħti d-direzzjoni strateġika f’kull settur, li fih jopera f’dan il-pajjiż, u naturalment fuq is-settur tal-kostruzzjoni u fuq is-settur tal-iżvilupp b’mod ġenerali. U ngħidu dan għax nifhem preċiżament, it-tħassib li semmejt inti fid-domanda tiegħek. Ġonna fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna għandna l-obbligu li nippriservawhom. Dan hu obbligu tal-Gvern, tal-awtoritajiet tagħna u nemmen li hu messaġġ ukoll li jrid jittieħed mill-iżviluppaturi.”