Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, żar l-Awtorità tal-Artijiet fil-Berġa tal-Baviera, fil-Belt Valletta, biex josserva mill-qrib il-proċess ta’ skenjar u diġitalizzazzjoni tad-dokumenti amministrattivi u reġistrazzjonijiet tal-artijiet.
Dan il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni beda f’April tal-2022 bħala parti minn sforz wiesa’ biex titjieb l-effiċjenza operattiva u jitnaqqsu l-proċeduri burokratiċi għall-benefiċċju tal-pubbliku.
Jirriżulta li, s’issa, diġà ġew skenjati u ssiġillati madwar 53,000 fajl, li jfisser li aktar minn terz tad-dokumenti fl-awtorità ġew diġitalizzati b’suċċess.
Bejn Frar 2024 u Frar 2025 biss ġew skenjati 23,000 fajl, sinjal ta’ progress sostanzjali fil-proċess b’żieda ta’ 9,000 fajl fuq is-sena ta’ qabel.
Il-proċess ta’ skenjar se jkompli għaddej fuq madwar 100,000 fajl ieħor, li ħafna minnhom se jiġu skenjati biss għal skop ta’ konservazzjoni ta’ dokumenti u arkivjar aħjar. Dawn imorru lura sa mill-bidu tad-Dipartiment tal-Artijiet.
Illum, bil-proċess tal-applikazzjonijiet onlajn, il-fajls huma diġitali mill-bidu.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi enfasizza li l-awtorità qed tkompli tinvesti sostanzjali f’sistemi teknoloġiċi aktar avvanzati li se jgħinu biex jitħaffef il-proċess u joffru servizz aktar effiċjenti, sigur u trasparenti.
“Bħala parti mill-proċess tad-diġitalizzazzjoni tal-attività fl-Awtorità tal-Artijiet qed isir skenjar tal-fajls tal-awtorità, sa minn Ottubru tal-2022 sal-lum, ġew skenjati mal-53,000 fajl, dawn huma parti mill-fajls ta’ din l-awtorità, però wieħed jista’ jgħid li llum il-fajls attivi li qed isir xogħol fuqhom huma kollha skenjati. Dan hu mezz ieħor ta’ kif nistgħu nżidu l-effiċjenza ta’ din l-awtorità u kif nistgħu nagħtu servizz dejjem aħjar permezz tal-awtorità lill-pubbliku inġenerali.”
Stefan Zrinzo Azzopardi, Ministru
Il-proċess ta’ skenjar hu wieħed minn diversi inizjattivi li għandhom l-għan li jimmodernizzaw is-servizzi pubbliċi tal-pajjiż f’kull qasam tal-amministrazzjoni pubblika.