Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Rodrick Galdes iċċara li l-familji li kienu jgħixu f’binja li ġarrbet ħsarat strutturali minħabba xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni, ingħataw appartament bil-kumditajiet kollha neċessarji malli seħħ l-inċident.
Il-Ministru qal dan b’reazzjoni għal rapporti fil-mezzi tax-xandir b’rabta mal-inċident li seħħ fi Gwardamanġa.
Huwa ċċara li l-Awtorità tad-Djar ħadmet fir-rigward ta’ dan il-każ u assigurat li ftit ħin biss wara li seħħ l-inċident għamlet kuntatt mal-familji milquta u assigurat li jkollhom mhux biss saqaf fuq rashom, iżda appartament bil-kumditajiet neċċessarji kollha.
Qal li l-Awtorità żammet kuntatt ma’ dawn il-familji sal-lum il-ġurnata biex tassiguraw li jibqgħu jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa.
Il-Ministru ħabbar ukoll li l-Awtorità qiegħda tħallas l-akkomodazzjoni ta’ dawn il-familji minkejja li din hija fid-dmir tal-kuntrattur u għalhekk qal li l-Gvern se jiżgura li r-responsabbiltà tal-kuntrattur f’dan ir-rigward tiġi onorata.