Taqsima ġdida fi ħdan l-Awtorità tad-Djar ser ikollha r-responsabbiltà li tirregola s-suq tal-kirjiet privati.
Dan wara li l-liġi l-ġdida tal-kera li għaddiet mill-Parlament aktar kmieni dan ix-xahar tat mandat lill-Awtorità biex tkun ir-regolatur tal-liġi l-ġdida tal-kera.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Kap Eżekuttiv għall-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal kif taqsima fi ħdan l-Awtoritá ser ikollha erba’ responsabbiltajiet prinċipali.
Ewlenija fosthom hija li tassigura r-reġistrazzjonijiet ta’ kirjiet mill-1995 l-quddiem. Reġistrazzjonijiet li jistgħu jsiru onlajn u li dwarhom ser titnieda kampanja ta’ informazzjoni fiż-żmien li ġej.
Dwar dan ONE News tkellem mas-Sinjura Romina Fenech li ser tkun qed tmexxi din it-taqsima. Hija spjegat: “Ħa jkollna sezzjoni li ħa tieħu ħsieb ir-reġistrazzjonijiet tal-kirjiet fejn bniedem apparti li jirreġistra onlajn jista’ jiġi hawnekk jingħata l-informazzjoni meħtieġa fuq il-liġi kif ukol ngħinuh jirreġistra permezz tal-aġenti tagħna.”
Intant tilwim fuq spejjeż bejn is-sidien u l-inkwilini jistgħu jiġu riferuti quddiem bord ta’ arbitraġġ. Ramona sostniet: “Nies li għandhom kuntratt irreġistrat jistgħu jressqu kuntratt quddiemna. Jista’ jsir kemm onlajn u kemm jiġu hawnhekk sabiex jitressqu quddiem il-panel sa massimu ta’ €5,000 fejn hemmhekk jista’ jkun ħa nkunu qegħdin inaqsu anke iż-żmien biex tittieħed deċiżjoni dwar dan it-tilwim.”
Dan apparti li sezzjoni min din it-taqsima ser tieħu ħsieb li tinforza l-liġi u twettaq moniteraġġ fuq is-suq kollu.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li permezz ta’ din il-liġi ser jiġu salvagwardjati id-drittijiet tas-sidien tal-proprjetà u l-inkwilini. Galdes spjega: “L-iskop tagħna kif kien ħabbar il-Gvern huwa li jkun hemm entità. Entità bħalma hija l-Awtoritá tad-Djar li diġà wkoll għandha l-istruttura tal-qasam tad-djar f’idejha imma ser tingħata l-irwol ġdid li toffri din l-għajnuna u tiffaċilità l-proċess marbut mal-liġi tal-kera.”
Il-liġi ġdida tal-kera ser tidħol fis-seħħ mill-1ta’ Jannar li ġej. Kull min għandu bżonn informazzjoni u linji gwida dwar reġistrazzjonijiet jista’ jsib kollox fuq is-sit rentregistration.gov.mt.