L-Awtorità ta’ Malta għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla ċċelebrat l-għaxar snin anniversarju mit-twaqqif tagħha. Dan waqt serata li saret apposta u li matulha tfakkar dan it-tragward għal din l-awtorità.
L-Awtorità tilleġittima u tħares l-istituzzjonijiet u l-programmi ta’ studju, filwaqt li timxi mal-istandards tal-Unjoni Ewropea li jippromwovu l-edukazzjoni fil-komunità, għall-benefiċċju ta’ studenti lokali u internazzjonali.
L-edukazzjoni avvanzata tinkludi korsijiet li f’istituzzjonijiet postsekondarji, vokazzjonali u terzjarji, b’hekk mhix obbligatorja.
L-Awtorità taħdem ukoll b’mod awtonomu sabiex tassigura l-ogħla livelli ta’ edukazzjoni, skont l-istandards tal-Unjoni Ewropea. Dan jaċċerta li s-sistema edukakattiva lokali tkun affidabbli, fejn kulħadd ikun aċċettat u stmat.
Din l-entita’ ġiet imwaqqfa fl-2012, dak iż-żmien bħala kummisjoni, iżda kien fl-2021 li din saret awtorità.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, ir-Riċerka u ż-Żgħażagħ, Clifton Grima, qal li l-Gvern hu impenjat li jipprovdi aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità. Hu żied jgħid li l-investiment fl-edukazzjoni hu l-bażi għall-iżvilupp fis-soċjetà.
Min-naħa l-oħra, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Rose Anne Cuschieri qalet li din qed tikkontribwixxi b’mod qawwi għas-settur tal-edukazzjoni.
Waqt din is-serata ġie ppreżentat ukoll kunċert mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.