L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, l-MTA, tellgħet l-ewwel konferenza tagħha favur aktar sostenibilità fis-settur turistiku sa mill-2006. Din il-konferenza ttellgħet bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali għat-Turiżmu 2021 – 2030.
Bit-tema “Embracing Pathways to Sustainability” il-konferenza ffukat fuq kif is-settur tat-turiżmu f’pajjiżna għandu jistabilixxi lilu nnifsu mill-ġdid għall-ġejjieni permezz ta’ objettivi u politika li tagħti aktar importanza lis-sostenibilità.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Carlo Micallef, ppreżenta r-riżultati tas-settur għal din is-sena u l-prospetti għas-sena d-dieħla. Id-Deputat Kap Eżekuttiv, Leslie Vella ta rendikont tax-xogħol tal-Malta Tourism Observatory b’rabta mal-istrateġija nazzjonali filwaqt li ffoka fuq l-indikaturi rigward is-sostenibilità tas-settur.
Iċ-Chairman tal-Awtorità, Gavin Gulia, irrimarka kif il-konferenza mtella’ timmarka mument importanti għas-settur f’pajjiżna hekk kif għaqdet diversi partijiet biex flimkien jiddiskutu strateġiji ekwi għall-futur, fost temi oħra.
F’din il-konferenza għamlu d-diskorsi tagħhom il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.