L-Awtorità Maltija tal-Mediċini rtirat mis-suq prodott mediku mmirat għat-trabi. L-Awtorità ħabbret dan fi stqarrija, hekk kif spjegat li l-kumpanija, li tipproduċi dan il-prodott mediku bl-isem Physiomer Baby Unidose, qablet magħha li jiġi rtirat mis-suq batch partikolari.
Din l-azzjoni ttieħdet wara l-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni li ġiet identifikata f’parti tal-proċess ta’ manifattura tal-istess prodott.
Madankollu ma ġie identifikat l-ebda kontaminazzjoni fil-prodott innifsu, filwaqt li ma ġie rrapportat l-ebda każ relat ma’ din il-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni.
Fl-istqarrija maħruġa ġie spjegat kif pazjenti jew carers li għandhom fil-pussess tagħhom dan il-prodott b’dan il-batch number: G239469 għandhom jirritornawh fl-ispiżerija tagħhom u jingħataw flushom lura.
Dawk li jinsabu fil-pussess tal-istess prodott, iżda mhux b’dan il-batch number jistgħu jużaw il-prodott b’mod normali.
Rapporti b’rabta ma’ użu ta’ dan il-prodott għandhom jintbagħtu mill-ewwel fuq dan l-email: mdvigilance.medicinesauthority@gov.mt.