Oħlom issa…żurna ‘l quddiem.
Dan hu l-isem tal-kampanja promozzjonali li nediet l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fid-dawl tal-imxija tal-Coronavirus.
Kampanja li l-għan aħħari tagħha huwa li tippromovi l-isbaħ karatteristiċi ta’ Malta lil turisti prospettivi sabiex malli tgħaddi din is-sitwazzjoni straordinarja tal-Coronavirus, tħajjarhom jaqtgħu biljett lejn pajjiżna.
Biljett li ser jassigura li r-rota ekonomika f’Malta terġa’ taqbad iddur.
Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat: “Orjentajna l-kampanja tagħna minn angoli differenti, ħsibna li naħsbu f’din il-kampanja f’14-il lingwa differenti u l-ħsieb huwa li aħna ndewqu lit-turist prospettiv bix-xeni tipiċi sbieħ Maltin biex ikun jista’ jarahom issa u jżurhom fiżikament iktar ‘il quddiem.”
Carlo Micallef li huwa uffiċjal fi ħdan l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu spjega kif qed jiġu varati diversi kampanji f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Huwa stqarr: “Bħalissa qegħdin invaraw diversi kampanji f’pajjiżi differenti fejn hemmhekk inżommu lil Malta fi ħsieb dawk li għada pit għada ser jerġgħu jkunu turisti lejn pajjiżna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Johann Buttigieg saħaq li dawn huma essenzjali, hekk kif malli tgħaddi din il-kriżi, fil-Mediterran ser tiskatta kompetizzjoni bejn id-destinazzjonijiet turistiċi kollha.
Huwa sostna: “Kif ħa noħorġu minn din il-kriżi se jkun hemm kompetizzjoni qawwija fost il-pajjiżi mediterranji biex jattiraw it-turisti u allura rridu nkunu fuq ta’ quddiem biex attwalment aħna flimkien mal-koperaturi tagħna li huma lukandi restorant u kulħadd noffru l-aqwa prodott li nistgħu biex nattiraw lit-turist lejn Malta.”