L-uffiċju tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) f’Moska rebaħ it-titlu tal-aħjar uffiċju turistiku fil-qasam tal-promozzjoni ta’ MICE (‘meetings, incentives, conferences and exhibitions’). Dan waqt it-tmien edizzjoni tar-‘Russian Business Travel & MICE Awards (RBT&MA)’ tal-2017 f’Moska.
Il-premju ntlaqa’ mis-sur Anthony Caruana, rappreżentant tal-MTA f’Moska, u Dr Carmel Brincat, Ambaxattur Malti fil-Federazzjoni Russa. Il-premju jirrikonoxxi x-xogħol eċċellenti li qed isir mill-MTA u Conventions Malta f’Moska, li jissupera l-isforzi ta’ kompetituri Spanjoli, Taljani, Iżraeliti, Ġermaniżi u anke reġjuni Russi.
Ir-‘Russian Business Travel & MICE Award’ jippremja l-aħjar kumpaniji u intrapriżi fil-qasam tat-turiżmu għal skop ta’ negozju u MICE. Huwa premju li ġie stabbilit fl-2010 mil-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija tal-Federazzjoni Russa, ir-rivista Business Travel u s-sit elettroniku Conference.ru. Huwa premju appoġjat mill-Aġenzija Federali tat-Turiżmu Russa u l-kategorija li fih jaqa’ hija kkunsidrata l-aktar waħda prestiġjuża.
Il-premju jkopri l-parteċipanti kollha fis-suq tat-turiżmu għal skop ta’ negozju. Dawn jinkludu l-aqwa lukandi u ċentri għal kungressi f’Moska, San Pietruburgu u reġjuni oħra. Jinkludu wkoll l-aqwa organizzaturi ta’ konferenzi u programmi ta’ inċentivi fir-Russja u lil hinn minnha, aġenziji ta’ vjaġġar għal skop ta’ negozju, sistemi ta’ prenotar online u linji tal-ajru għal min jivjaġġa fuq negożju. Aktar minn mitejn entità kienet nominata għal dan il-premju, u r-rebbieħ intgħażel fuq żewġ stadji. L-ewwel stadju seħħ online fuq perjodu ta’ tliet xhur, fejn żewġ miljun vot fuq l-internet tqassmu skont 14-il kategorija.
Sabiex ikunu determinati r-rebbieħa, inħatar grupp apposta, magħmul minn esperti fis-suq, kumpaniji Russi, kumpaniji internazzjonal u klijenti ta’ servizzi fejn jidħol vjaġġar għal skop ta’ negozju. Dawn koprew firxa wiesa ta’ setturi, minn avjazzjoni għad-difiża, kumpaniji farmaċewtiċi, kumpaniji fit-telekomunikazzjoni, u aktar.
Paul Bugeja, CEO tal-MTA, qal li dan il-premju pretiġjuż huwa unur għall-gżejjer Maltin u l-fatt li Malta għelbet kompetituri ta’ ċertu reputazzjoni hija indikattiva ta’ kemm isir xogħol mill-Awtorità. Qal li dan huwa wkoll suċċess għall-isforzi li entitajiet lokali, bħal kumpaniji ta’ ‘destination management’, għamlu biex ippromovew dan is-suq. Żied jirringrazzja lil dawn kollha involuti mir-Russja tal-ħidma tagħhom, fosthom l-ambaxxatur Malti fir-Russja u l-uffiċju tal-MTA fir-Russja. Tenna kliem ta’ ħajr ukoll għal dawk li jaħdmu f’Malta, għaliex mingħajrhom ma kienx ikun posibbli r-rebħ ta’ dan il-premju.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, innota wkoll li fl-għoti ta’ premijiet tat-Travel Trade Gazetta (TTG) l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għadha kemm ġiet onorata bil-premju Bord Turistiku tas-Sena. Fil-Conference and Hospitality Show (CHS), avveniment internazzjonali li jsir f’Mejju, Conventions Malta rebħet premju tal-profil għoli li jgawdi pajjiżna fir-Renju Unit. Dan kollu jiġri sforz ħidma qawwija, kemm mill-fergħat tal-MTA f’Malta, kif ukoll mir-rappreżentanti tagħha barra mill-pajjiż, li jservu tal-aqwa ambaxxaturi għal pajjiżna. Din it-tip ta’ ħidma mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu qed issarraf fir-riżultati pożittivi li s-settur turistiku qed jesperjenza, staġun wara staġun, f’konformita’ mal-istrateġija li qiegħed jaddotta l-Gvern għal-qasam tat-turiżmu.