Mil-lum, bil-miżuri ġodda li ġew imħabbra t-Tnejn li għadda, il-bars u l-każini jistgħu jservu xorb u ikel jekk il-klijenti jkunu bilqiegħda mal-imwejjed.
Ma’ dan l-istazzjon, id-direttur fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu inkarigat mill-Infurzar David Mifsud, ikkjarifika li ħadd mill-klijenti tal-istabbilimenti ma jista’ joqgħod bilwieqfa.
Mifsud stqarr, “L-ikbar tibdil huwa illi definivitament in-nies iridu jkunu bilqiegħda fuq mejda u jridu jiġu servuti, jiġifieri kull persuna li tidħol f’dawn l-istabbilimenti apparti li tilbes il-maskra sakemm tpoġġi bilqiegħda ma jistgħu jmorru fuq il-bar u jordnaw jew joqgħodu bilqwieqfa u jixorbu d-drinks. L-importanti li jpoġġu fuq medja, l-imwejjed ikollhom id-distanzi kif stabbiliti kif ukoll iridu jiġu servuti fuq il-mejda.”
Is-Sur Mifsud semma’ wkoll li huwa aċċettabli li l-bars iservu snack jew platters, iżda importanti li l-klijent ikun bilqiegħda ma’ mejda.
David Mifsud appella lill-klijenti li jekk jaraw xi stabbiliment mhux qed jimxu mall-miżuri, jirrapurtaw, hekk kif dawn, apparti li qed jiksru l-liġijiet, fl-istess ħin ikunu qed ipoġġu f’riskju saħħet il-poplu
Mifsud saħaq, “Mhux biss illi l-istabbilimenti josservaw il-protokolli u jkomplu josservawhom għax huma kundizzjoni tal-liċenjzja tagħhom u jridu josservawhom għax hi wkoll parti mil-liġi imma wkoll il-konsumatur u nixtieq nappella biex dan jekk immorru xi post u jaraw li d-distanzi tal-imwejjed jew nies mhux jilbsu maskri jirrapurtaw.”
Mifsud temm jgħid li l-għan tal-ispezzjonijiet li kienu qed jagħmlu u se jkomplu jagħmlu issa, mhux biex iweħħlu multi iżda fl-istess ħin biex jedukaw lis-sidien u fl-interess tal-konsumaturi.
“Aħna nieħdu gost dejjem ngħid immorru u nsibu n-nies li qed josservaw pero ġieli nduru u nsibu nies li mhux qed josservaw d-distanzi speċjalment tal-imwejjed jew l-impjegati bla maskri waqt li jservu l-ikel ġieli sibna u mmultajna. S’issa sakemm ilna nduru bejn wieħed u ieħor għandna nieħdu azzjoni fuq 14-il stabbiliment.” Temm jgħid David Mifsud.
https://www.one.com.mt/2020/08/18/il-ministeru-tas-sahha-jikkjarifika-li-l-bars-u-l-kazini-se-jibqghu-miftuha-biex-iservu-ikel-u-xorb/