Fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, tfakkar il-ħames anniversarju tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, l-MDIA, waqt li wkoll ġie diskuss l-iżvilupp li ġabet magħha l-Intelliġenza Artifiċjali f’pajjiżna u dak li hu mistenni li jsir fis-snin li ġejjin.
Il-Ministru qal li din l-awtorità nazzjonali tassigura s-sigurtà ċibernetika u għandha l-kompitù li trawwem l-iżvilupp u l-innovazzjoni fit-teknoloġija Maltija. L-għan aħħari tal-istess awtorità hu li tkompli tixpruna l-innovazzjoni mibnija fuq standards.
Stqarr ukoll li l-Gvern għandu rwol kruċjali li jħaddan l-innovazzjoni teknoloġika. Qal kif l-istrateġija tal-awtorità għandha tkompli tiġi żviluppata biex l-MDIA tkun tista’ tgħin lill-istudenti jkomplu bl-istudji tagħhom fl-Intelliġenza Artifiċjali, fir-Robotika u f’oqsma oħrajn.
Mal-mikrofonu ta’ ONE, il-Ministru Schembri stqarr kif proprju fl-2018, meta twaqqfet din l-awtorità, l-iskop prinċipali kien li jibdew jiddaħħlu kunċetti ġodda.
Iżda tul is-snin l-MDIA kompliet tikber fl-importanza tagħha.
Qal, “Sentejn ilu diġà nidejna l-istrateġija nazzjonali għal pajjiżna, issa din is-sena, is-sena d-dieħla se nkunu qegħdin naraw kif din l-istess strateġija taddatta wkoll mar-regamenti l-ġodda fuq livell Ewropew biex naraw ukoll kif anke f’pajjiżna inkomplu navvanzaw fl-aspett ekonomiku, dak li għandu x’jaqsam mal-aspett diġitali. Primarjament is-settur edukattiv u l-iskills li għandhom bżonn iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin biex ikunu jistgħu jieħdu l-opportunitajiet li jkollna f’pajjiżna.”
Għal din is-sena u s-sentejn li ġejjin, l-MDIA qed tfassal pjan b’erba’ miri strateġiċi, inkluż il-provvista ta’ servizzi, il-governanza u l-komunikazzjoni.
Fl-istess konferenza tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA, Kenneth Brincat, li stqarr kif l-Intelliġenza Artifiċjali hi dinamika ħafna llum il-ġurnata u wara tliet snin qed tinħass il-ħtieġa li ssir bidla. Dan qed isir permezz ta’ riċerka u konsultazzjoni ma’ kull settur.
Qal, “Għaldaqstant qed nagħmlu għalissa konsultazzjoni mal-istakeholders ta’ kull settur, iżda l-ħsieb hu li, sal-bidu tas-sena d-dieħla, ikun hemm konsultazzjoni għall-pubbliku inġenerali.”
Hu temm jistieden lil kull min jixtieq jgħaddi xi suġġeriment biex javviċina lill-Awtorità waqt li wkoll jirreġistra għall-konsultazzjoni pubblika li se ssir nhar it-Tlieta 5 ta’ Diċembru.