L-Awtorità għall-Ippjanar approvat il-permess għad-dekummissjonar tal-impjant ta’ San Luċjan, bil-għan li jibdew jiġu żarmati t-tankijiet u t-tindif tal-faċilità li kienet tintuża għall-ħażna tal-Heavy Fuel Oil.
Issa li ħareġ il-permess, il-kumpanija Petromal se tkun qed toħroġ b’tender bil-għan li t-tankijiet ikunu żmantellati sal-aħħar ta’ din is-sena.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Gvern hekk kif ġie spjegat li dan il-proċess huwa parti mill-pjanijiet għall-proġett tas-Siċċa, b’investiment ta’ €40 miljun. Permezz ta’ dan il-proġett minflok impjant għall-ħażna taż-żejt fin-Naħa t’Isfel ta’ Malta jkun hemm proġett sostenibbli li jkopri 18,000 metru kwadru li se jagħti nifs ġdid lill-akkwati, b’hub li jgħaqqad spazji ta’ rikreazzjoni ma’ investimenti fl-ekonomija l-ħadra u l-blu.
Tul dawn l-aħħar xhur, Petromal kienet għaddejja bil-preparazzjoni tal-proċess għat-twettiq tal-pjan ta’ dekummissjonar, sabiex ix-xogħol isir b’mod sigur u b’ħarsien sħiħ tal-ambjent u l-komunitajiet li jgħixu fil-madwar.
Wara sejħa għall-offerti, intgħażlu wkoll il-kuntratturi għall-immaniġġjar u l-uffiċjali ta’ saħħa u sigurtà meħtieġa sabiex dawn it-tnax-il tank jitnaddfu u jiżżarmaw. Wara saru studji tekniċi u ambjentali tal-art, sabiex ikun analizzat x’tip ta’ dekontaminazzjoni hi meħtieġa.
Sadattant inħarġet ukoll is-sejħa għall-offerti biex jitnaddfu t-tankijiet minn waste oils u ħama. Wara mbagħad ikun jista’ jingħata bidu għat-tneħħija tat-tankijiet u infrastruttura anċillari. Dan ix-xogħol kollu se jkun qed issir skont il-permessi ambjentali meħtieġa.
B’reazzjoni għal dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port iI-Kbir sostniet kif b’dan il-permess il-Gvern iqed iżomm mal-wegħda tiegħu li jipprovdi spazju ieħor rikreattiv lin-nies.
Il-wegħda tagħna kienet li minn spazju li kien qed jintuża għal operat li jniġġes, nagħtu lura lin-nies spazju li jkun rikreattiv, li jħares lejn l-industrija l-ħadra u l-industrija l-blu u anke spazju li jistgħu jgawdu n-nies u allura l-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar li jitneħħew dawk it-tankijiet, li jsir ukoll il-proċess ta’ dekontaminazzjoni għaliex hemmhekk kellek heavy fuel oil, huwa pass importanti ħafna biex inkomplu għaddejjin ħalli dak il-proġett isir realtà.
Il-Ministru Miriam Dalli