L-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, l-MDIA, iltaqgħet għall-ewwel darba l-Erbgħa mas-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri.
Il-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità l-Ġdida se jkun magħmul minn Joshua Ellul bħala Chairman, u s-Sinjuri Lara Boffa, Patrizia Busuttil, Sandro Micallef, Loui Mercieca, David Matrenza, Charmaine Tanti Camilleri, Nigel Vella u Omar Vella. Segretarju tal-Bord Dr Douglas Aquilina.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità huwa s-Sur Stephen McCarthy.
L-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali twaqqfet uffiċjalment waqt id-Delta Summit, u se tkun responsabbli biex tippromwovi l-politika tal-Gvern biex Malta ssir ċentru ta’ eċċellenza għall-innovazzjoni teknoloġika. Dan filwaqt li tara u timplimenta standards li jwasslu biex dawk kollha reġistrati jimxu mal-liġijiet lokali u internazzjonali.
L-awtorità se tħares u toffri appoġġ lill-konsumaturi kollha u se tinkoraġġixxi kull tip ta’ innovazzjoni billi tadotta politika ta’ flessibilità meta tiġi għaċ-ċertifikazzjoni ta’ arranġamenti teknoloġiċi innovattivi.