Bank ewlieni fid-Danimarka bl-isem ta’ Danske Bank s’issa ħelisha ħafif wara li ġie rrappurtat li kien involut f’ħasil ta’ flus li jlaħħaq is-seba’ biljun ewro.
L-ewwel darba li kien ġie rrappurtat il-każ minn gazzetta Daniża, l-ammont imsemmi kien in-nofs ta’ dak li fil-verità issa huwa stmat li hemm involut f’każ fejn il-flus involuti ġew mir-Russja.
Minkejja dan il-każ skandaluż, l-awtorità finanzjarja fid-Danimarka qiegħda taffaċja kritika ħarxa għal rapporti li baqgħet siekta u ma għamlitx xogħolha biex tiskrutinizza u tinvestiga l-bank involut.
Skont rapport tal-gazzetta Daniża, Berlingske, bejn l-elfejn u sebgħa u l-elfejn u tlettax saru aktar minn erbgħin elf tranżazzjoni li qanqlet suspett hekk kif għaddew flus Russi għal ġo kumpaniji reġistrati f’pajjiżi fil-Karibew.
Ingħad ukoll li dawn il-biljuni ta’ ewro għaddew minn fergħa li l-bank Daniż għandu fl-Estonja.
Dan il-każ ta’ ħasil ta’ flus qed jintrabat ukoll mal-qtil tal-whistleblower Russu, Sergei Magnitsky.
Filfatt meta nqatel ir-Russu kienu ġew investigati numru ta’ kumpaniji fosthom Diamonds Forever International, Castlefront u Megacom Transit.
Dawn l-istess kumpaniji jissemmew fit-tranżizzjonijiet suspettużi li saru u li allegatament il-bank Daniż intuża f’din ix-xibka kbira ta’ ħasil ta’ flus.
Minkejja dan il-każ li ħasad dan il-pajjiż Skandinavu magħruf li s-soltu jimxi bir-retezza kollha, jeżistu mistoqsijiet kbar għall-fatt li l-Awtorità Finanzjarja fid-Danimarka għadha ma ħaditx passi fil-konfront ta’ Danske Bank.