Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista indirizza l-European Medical Device Leadership: Advanced Training Course – kors ta’ jumejn organizzat mill-Akkademja għall-Eċċellenza u l-Innovazzjoni fix-Xjenza Regolatorja fi ħdan l-Awtorità dwar il-Mediċini flimkien mal-Malta Laboratories Network. B’kollaborazzjoni ma’ esperti lokali u internazzjonali mill-Organizzazzjoni għall-Professjonisti fl-Affarijiet Regolatorji (TOPRA), Medicines Evaluation Board fl-Olanda, GS1 Global Healthcare u l-Università ta’ Malta.
“L-akkademja hi mibnija fuq sisien li jpoġġu l-pazjent fiċ-ċentru tal-ħidma u tippromwovi taħriġ u riċerka fl-innovazzjoni tax-xjenza regolatorja. Qed taħdem id f’id ma’ entitajiet lokali, Ewropej u internazzjonali biex taqsam ideat, tiddiskuti opportunitajiet u tegħleb sfidi fl-oqsma dinamiċi tax-xjenza u tat-teknoloġija” qal Deo Debattista. L-apparat mediku kiseb importanza kbira fil-kura tal-pazjent. Hu meqjus li hawn aktar minn 500,000 apparat mediku li jinkludu molol tal-qalb, pacemakers, apparat tal-laboratorju u apparat mediku mediċinali. L-Awtorità dwar il-Mediċini qed tikkonsolida t-tibdil fir-regolamenti Ewropej tal-apparat mediku fuq livell nazzjonali sabiex tassigura s-sigurtà u l-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumatur.
Is-Segretarju Parlamentari qal li dan il-kors jindirizza l-ħtiġijiet tal-industrija farmaċewtika għal inizjattivi avvanzati li joffru lill-professjonisti l-għodda meħtieġa ta’ leadership sabiex japplikaw ir-regolamenti fil-prattika u jħaddnu eċċellenza fl-intelliġenza tal-apparat mediku għall-benefiċċju tal-pazjent.