Saret l-awtopsja fuq Stephen Mangion, li miet aktar kmieni din il-ġimgħa u l-każ tiegħu spiċċa ballun politiku mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista; tant li l-familja tiegħu ħarġet tappella biex ħadd ma juża dan il-każ biex jikseb vantaġġ politiku.
Stephen Mangion, ta’ ħamsa u ħamsin sena, miet traġikamemt fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, wara li rrikorra f’dan id-Dipartiment minħabba wġigħ f’sidru.
Rapport fit-Times of Malta s-Sibt qal li l-awtopsja kkonkludiet li Mangion miet minħabba dik li tissejjaħ cardiac tamponade u aortic dissection, u mhux attakk tal-qalb kif kien oriġinarjament maħsub.
Cardiac tamponade tirriżulta minn kompressjoni fuq il-qalb minħabba akkumulazzjoni ta’ likwidu, li jillimita l-ammont ta’ demm li l-qalb tista’ tippompja, b’riżultat li l-ġisem jara nuqqas ta’ demm u ossiġnu. Min-naħa l-oħra, aortic dissection hija kundizzjoni serja li tara tiċrita f’wieħed mis-saffi ta’ ġewwa tal-arterja prinċipali tal-ġisem.
Intant, ir-rapport tat-Times innota kif is-Sibt filgħodu, numru ta’ xhieda marru fl-għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema biex jagħtu x-xhieda tagħhom bħala parti mill-inkjesta Maġisterjali li għaddejja dwar il-każ.
B’rabta wkoll ma’ dan il-każ infetħet inkjesta indipendenti, li se tagħmel skrutinju fuq il-proċess ta’ kura.
Sorsi li tkellmu mat-Times qalu, li minkejja li rapporti fil-midja ndikaw li Mangion intalab imur Mater Dei bil-karozza privata tiegħu miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Floriana, filmati minn kameras tas-sigurtà juru b’mod ċar li Mangion ittieħed l-isptar b’karozza misjuqa minn ħabib tiegħu.
It-Times hija nformata wkoll li Mangion kien ilu jħossu ma jiflaħx minn filgħodu u mar iċ-ċentru tas-saħħa filgħaxija.
Huwa miet dakinhar stess filgħaxija, wara li kien ilu jistenna fid-Dipartiment tal-Emerġenza għal madwar nofs siegħa.
Fuq iċ-ċertifikat tal-mewt tiegħu hemm miktub kif ir-raġel kien isofri minn marda f’qalbu, u anki minn pressjoni fid-demm għal żmien twil li kienet titfa’ pressjoni fuq in-naħa tax-xellug ta’ qalbu.
Il-mewt ta’ Mangion spiċċat daqstant fil-beraħ minħabba kitbiet fuq il-midja soċjali, li allegaw ħin twil ta’ stennija fl-Emerġenza.
Minn tal-inqas waħda minn dawn l-allegazzjonijiet qed tiġi investigata mill-Pulizija.
Fil-fatt, it-Times irrapportat kif fil-grupp ta’ Facebook, ‘Il-Kotra’, profil bl-isem ta’ Manuel Debono qal li ra lil Mangion jidħol l-Emerġenza b’uġigħ f’sidru, fejn ġie mitlub jistenna.
Sorsi viċin l-investigazzjoni qalu li dan il-profil, x’aktarx, tħassar, u l-investigaturi jemmnu li l-messaġġ inkiteb minn profil falz. Għaldaqstant, is-Cybercrime Unit tal-Pulizija qed tinvestiga dan, u profili oħra bħal ta’ Debono.