L-Awstralja se tieqaf tibgħat immigranti li jkunu qed ifittxu l-ażil lejn il-Papua New Guinea, f’pass li se jimmarka t-tmiem ta’ ftehim kontroversjali ta’ detenzjoni fin-nazzjon.
Il-Papua New Guinea huwa wieħed minn żewġ pajjiżi Paċifiċi li jitħallsu minn Canberra biex iżommu refuġjati u immigranti li jkunu qed ifittxu ażil li jippruvaw jidħlu l-Awstralja bid-dgħajjes.
L-Awstralja qalet li dan il-ftehim mal-Papua New Guinea se jintemm sal-aħħar tas-sena għalkemm se tkompli bi proċessi simili fil-gżira remota ta’ Nauru.
Fil-fatt, il-Ministru għall-Intern Karen Andrews qalet li r-regoli b’saħħithom tal-fruntieri fl-Awstrlja ma nbidlux u kull min jipprova jidħol l-Awstralja illegalment bil-baħar se jintbagħat lura minn fejn ġie jew f’Nauru.
Il-mija u għoxrin persuna li qed ifittxu l-ażil u preżentament jinsabu f’Papua New Guinea se jingħataw l-għażla li jew jibqgħu hemmhekk jew jitmexxew f’ċentru ta’ detenzjoni f’Nauru.
Fit-tmien snin li ilu fis-seħħ dan l-arranġament, kien hemm inċidenti maġġuri ta’ vjolenza, fosthom strajkijiet tal-ġuħ, rewwixti u anki l-qtil ta’ wieħed mir-refuġjati mill-gwardjani.
Ritratt: Reuters