Għall-ewwel darba fi kważi sentejn, l-Awstralja ħabbret li se tiftaħ il-fruntieri għal turisti mlaqqma kompletament u persuni oħra li għandhom viża.
Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison qal li pajjiżu se jilqa’ nies li huma mlaqqma biż-żewġ dożi kontra l-Covid-19.
L-aħbar tal-ftuħ tal-fruntieri mill-wieħed u għoxrin ta’ Frar li ġej, intlaqgħet tajjeb ħafna minn diversi setturi, fosthom anki dak tal-edukazzjoni internazzjonali.
L-Awstralja kienet fost l-aktar pajjiżi fid-dinja b’regoli stretti marbuta mal-ivvjaġġar minħabba l-pandemija.
F’Marzu tal-2020, il-Gvern għalaq il-fruntieri għal kwalunkwe tip ta’ vjaġġar mhux meħtieġ.
Minn Diċembru li għadda bdew jitħallew jidħlu xi studenti internazzjonali u immigranti biex jaħdmu.