L-Awtorita tal-Ippjanar għaddejja b’azzjoni diretta biex jitneħħa l-iżvilupp illegali biswit il-klabb tal-boċċi f’Tal-Pieta, li jinsab f’żona skedata fi Grad 1.
Dan intqal fi stqarrija mill-awtorita, fejn intqal li l-illegalitajiet huma suġġetti għal bosta avviżi ta’ infurzar u jikkonsistu fi skavi u estensjonijiet mhux awtorizzati mal-bini eżistenti f’partijiet tal-glacis militari li huwa skedat.
Intqal li s-sid li wettaq l-illegalita mhux biss injora l-avviżi u t-twissijiet ta’ infurzar tal-awtorita, iżda saħansitra wettaq żvilupp.
Hawnhekk, l-awtorita kellha tidħol biex twettaq azzjoni diretta biex tneħħi l-illegalitajiet, spejjeż kollha għas-sid.
Intqal li qabel bdiet din l-operazzjoni, l-awtorita għamlet kuntatt mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali biex tiżġura li x-xogħlijiet ta’ azzjoni diretta qegħdin isiru b’mod li ma jsirx aktar ħsara fiż-żona skedata.
L-awtorita qalet li din l-operazzjoni hija waħda delikata u b’hekk it-tneħħija tal-iżvilupp qed isir manwalment.
L-awtorita qed tkun assistita wkoll mill-pulizija.