Biswit il-Parlament Malti, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż taw l-awguri tagħhom għal dan iż-żmien ta’ festi fl-attività annwali bit-tema ‘Milied Flimkien’, organizzata minn Festivals Malta.
Il-President tar-Repubblika George Vella, fl-aħħar attività ta’ din ix-xorta fil-perkors tal-Presidenza tiegħu, qal li s-sentimenti ta’ xewqat tajba għandhom jippersistu matul is-sena kollha. Hu ħeġġeġ ukoll biex dejjem tirrenja l-paċi f’pajjiżna, waqt li appella wkoll biex f’dawn iż-żminijiet ngħinu lil dawk li jħossuhom iżolati.
Il-President għamel referenza wkoll għall-gwerer madwar id-dinja, filwaqt li enfasizza kif pajjiżna dejjem kellu l-paċi fuq nett tal-aġenda tiegħu.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar kif din is-sena l-prijorità kienet li titjieb il-kwalità tal-ħajja, fosthom fl-edukazzjoni u l-impjiegi. Żied isemmi wkoll id-diversi persuni u tfal li qed jitilfu ħajjithom, filwaqt li qal li, minkejja li pajjiżna jħaddan in-newtralità, ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem l-inġustizzji.
Dr Abela aċċenna wkoll għar-riżoluzzjoni li ressaq pajjiżna quddiem il-Ġnus Magħquda. Hu semma wkoll il-ġest ta’ ‘Rigal bi Mħabba’, fejn kull tifel u tifla jkollhom rigal, minkejja l-isfidi li jistgħu jkunu qed jiffaċċjaw.
Il-Prim Ministru appella wkoll biex f’nhar l-Istrina, il-poplu Malti juri solidarjetà ma’ dawk l-aktar fil-bżonn.
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, semma fost l-oħrajn, kif diversi persuni madwar id-dinja qed jiffaċċjaw sfidi fejn ma jistgħux jiċċelebraw il-Milied minħabba l-gwerer.
Fl-attività għaddew l-awgurju tagħhom ukoll l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Il-pubbliku seta’ jgawdi wkoll minn daqq mill-Banda tal-Forzi Armati, b’siltiet relatati mal-Milied u kant minn kor tat-tfal.