L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ma sab l-ebda nuqqasijiet mill-eks Ministri Chris Fearne u Edward Scicluna.
Dan ħareġ waqt seduta oħra tal-każ tal-Vitals u li fiha kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda.
Fil-fatt, Deguara qal dan waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Avukat Stephen Tonna Lowell.
Deguara spjega wkoll kif il-Ministeru għall-Finanzi dejjem aġixxa b’mod impekkabbli hekk kif dejjem ipprovdu d-dokumentazzjoni li kien hemm bżonn filwaqt li dejjem ikkopera. Dan filwaqt li ma nstab xejn fuq il-Ministru Edward Scicluna u s-Segretarju Permanenti Alfred Camilleri li jinsab ukoll akkużat f’dan il-kawża.
Tul ix-xhieda tiegħu l-Awditur Ġenerali spjega wkoll kif l-eks Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa, Joseph Rapa kien wieħed mill-aktar persuni li kkonsulta u għen fl-investigazzjoni, dan filwaqt li ma nstabet l-ebda illegalità fil-konfront tiegħu.
Deguara spjega wkoll kif deher ċar li l-Ministeru tas-Saħħa qatt ma kien ikkonsultat dwar dan il-ftehim b’saħansitra jgħid li l-eks Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ġie mwarrab filwaqt li ma kienx hemm assistenza minn esperti fil-qasam tas-saħħa.
Intant Deguara sostna li l-involviment tal-Ministeru tal-Enerġija kienet xprunata mil-fatt li taħthom kien jaqa’ Projects Malta.
Deguara spjega wkoll li fl-ebda ħin ma rriżulta involviment mill-Avukat Brandon Gatt.
L-Awditur Ġenerali tul ix-xhieda tiegħu ċċara wkoll il-fatt li l-investiment kapitali qatt ma’ sar għaliex it-turiżmu mediku li kellu jiġi attirat u jiffinanzja tali proġetti qatt ma mmaterjalizza.
Tul is-seduta xehed ukoll is-Segretarju tal-Kabinett is-Sur Ryan Spagnol fejn ippreżenta memorandum li ppreżenta l-eks Ministru Konrad Mizzi lill-Kabinett fl-2015 fost numru ta’ dokumenti oħrajn dwar laqgħat tal-Kabinett bejn l-2015 u l-2021.
B’rabta ma’ informazzjoni li ħarġet waqt laqgħa tal-Kabinett f’Settembru tal-2019 fejn l-eks Ministru Chris Fearne ma riedx li t-tliet sptarijiet jgħaddu taħt konċessjoni, Ryan Spagnol ikkonferma dan ukoll.
L-Avukat Stefano Filletti tenna li jixtieq li fir-rekords tal-inkjesta tiġi inklużi d-deċiżjoni tal-Kabinett b’rabta ma’ emenda fil-kuntratt li b’riżultat tagħha kien hemm varjazzjonijiet tal-garanziji.
Aġġornat Kontinwament