Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri qed twettaq verifika dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni mill-UE. B’mod partikolari, l-awdituri se jivvalutaw jekk l-appoġġ li ngħata lill-Greċja u lill-Italja kisibx l-għanijiet tiegħu u jekk il-proċeduri ta’ asil u ta’ ritorn kinux effettivi.
L-awdituri se jeżaminaw ukoll il-proġetti appoġġati biex jiddeterminaw ir-rilevanza tagħhom, jivvalutaw it-tfassil tagħhom u jaraw jekk dawn humiex jiksbu r-riżultati mistennija.
“L-isfidi relatati mal-migrazzjoni żvelaw dgħufijiet fil-politiki tal-UE dwar l-asil u l-migrazzjoni kif ukoll fil-ġestjoni li twettaq tal-fruntieri esterni. L-arranġamenti stabbiliti ġew taħt pressjoni kbira, u saħansitra, f’xi każijiet, anke ġew sospiżi temporanjament. Għaldaqstant, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-miżuri u l-qafas legali t-tajba għall-ġestjoni tal-migrazzjoni,” qal Leo Brincat, il-Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri responsabbli għall-verifika..
Il-kriżi tal-migrazzjoni laħqet il-quċċata fl-2015, meta aktar minn miljun persuna ppruvaw jaslu fl-UE. Għalkemm naqas għal-livell ta’ qabel il-kriżi, l-għadd ta’ migranti lejn l-Unjoni għadu jlaħħaq l-għexieren ta’ eluf.
L-UE fasslet bosta miżuri biex timmaniġġja l-kriżi, inkluż l-istabbiliment ta’ “Hotspots” u l- introduzzjoni ta’ skemi ta’ rilokazzjoni, li oriġinarjament it-tnejn kienu intenzjonati li jkunu temporanji.
Ir-rapport tal-awditjar mistenni jiġi ppubblikat qabel tmiem l-2019.