Numru ta’ ħlasijiet u ċekkijiet suspettiżi wasslu għall-bidu ta’ investigazzjoni fuq l-Awditur Chris Baldacchino li bħalissa jinsab quddiem il-Qorti mixi b’ħasil ta’ flus.
Fuq il-pedana tax-xhieda, l-ispettur Omar Caruana spjega li Baldacchino kien jieħu ħsieb il-finanzi ta’ Darren u Gordon Debono, żewġt irġiel li huma maħsuba li kienu involuti fi traffikar ta’ fjuwil bil-kuntrabandu.
L-ispettur qal kif l-eks plejer Debono kien saħansitra ħallas multa dwar ħasil ta’ flus ta’ tmienja u ħamsin elf ewro għal Baldacchino.
Qal li l-pulizija temmen li Baldacchino kien il-persuna li jagħmel tranżazzjonijiet u jiftaħ il-kumpaniji għal Darren Debono u Jeffrey Chetcuti.
Darren Debono kien ġie impjegat bħala persuna ta’ fiduċja tal-eks Ministru Nazzjonalista Joe Borg u li aktar tard kien sar Kummissarju Ewropew.
Chetcuti imbagħad kien intalab mill-ewro-parlamentari Nazzjonalista David Casa sabiex jiġi rrekordjat jgħid kemm iż-żewġt irġiel kienu ħbieb antiki.
Intant l-ispettur qal li isem Christopher Baldacchino jidher fuq kull kumpanija li għandu Darren Debono u l-qraba tiegħu.
Hu stqarr ukoll li l-awditur naqas milli jispjega minn fejn kienu ġejjin dawn il-fondi li kienu jidhru fuq id-dokumenti ffirmati minn bint il-mara ta’ Debono.