Tliet snin mill-implimentazzjoni tal-proġett tat-tabliet fl-iskejjel magħruf One Tablet Per Child, verfika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verfika kkonkludiet użu effettiv tat-tablets f’96 skola primarja tal-istat, tal-Knisja u dawk indipendenti.
Ir-rapport li tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra t-Tlieta warnofsinhar stħarreġ l-użu tat-tablets mill-istudenti u l-edukaturi tagħhom fil-klassi u d-dar, il-kontenut diġitali li huwa disponibbli u l-livell ta’ taħriġ u għajnuna mogħtija.
It-tablets fl-iskejjel bdew jitqassam lill-istudenti tar-raba’ sena fl-iskejjel kollha f’Malta fis-sena skolastika 2016 u 2017. Mindu tnieda l-proġett tqassmu xejn anqas minn 15,000 tablet b’nefqa ta’ 12-il miljun ewro.
L-eżerċizzju ta’ verfika kien jinkludii stħarriġ magħmul fost l-edukaturi u l-ġenituri tal-istudenti li ngħataw it-tablets. Minnhom ħareġ li t-tablets ma kinux qed jintużaw b’mod uniformi fost l-iskejjel kollha.
20% tal-għalliema qalu l-istudenti ma kinux qed jieħdu t-tablet kuljum l-iskola u li qed jużawh biss meta tkun ippjanata attività. L-istħarriġ fost l-għalliema wera wkoll li ħafna studenti ma użawx it-tablet waqt il-ħarġiet mal-familja u l-użu tat-tablet id-dar kien mifrux b’mod irregolari.
Ħareġ ukoll li l-apps tal-Matematika u tal-Ingliż ġew stmati aħjar mill-għalliema u l-ġenituri minn dawk tal-Malti, ix-Xjenza, l-istudji Soċjali u r-Reliġjon.
Fost il-problemi li enfasizzat il-verifika kien hemm studenti li ma jieħdux it-tablet magħhom l-iskola, li ma jiċċarġjawhx id-dar, problemi ta’ konnettività u kwistjonijiet ta’ hardware.
L-Uffiċċju tal-Awditur irrikonoxxa l-fatt li ġew solvuti aktar minn ħamest elef u mitejn talba, iżda ħeġġeġ biex jiġu riżolti dawk pendenti.
L-Uffiċċju tal-Awditur qal li meta tikkunsidra r-riżultat tal-istħarriġ li sar fost l-għalliema u l-ġenituri, il-fehma ġenerali dwar l-iskema kienet waħda pożittiva, b’70% tal-parteċipanti jikkunsidraw li t-tablets għenu lill-istudenti fil-mixja edukattiva tagħhom.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ġie kwotat jgħid li se jkompli jaħdem fuq ir-riżultat pożittiv li ħareġ minn dan l-istħarriġ biex jiżviluppa aktar dan il-proġett. Fisser bħala pożittiv il-fatt li aktar minn nofs l-għalliema qegħdin jużaw it-tablet tliet darbiet fil-ġimgħa. Fisser din iċ-ċifra bħala inkoraġġanti u qal li din tindika li l-proġett miexi fid-direzzjoni tajba.
Dwar il-problema ta’ konnettività ta’ wi-fi fl-iskejjel, il-Ministeru qal li nieda investiment ta’ aktar minn ħames 1,200,000 ewro biex mis-sena d-dieħla jibda jtejjeb l-internet fl-iskejjel tal-istat.