Rapport tal-awditur ġenerali dwar it-trasport pubbliku juri li l-kuntratt li ffirma l-Gvern mal-kumpanija li toffri s-servizz tal-karozzi tal-linja jissodisfa l-prinċipji ta’ prassi tajba.
Ir-rapport li tqiegħed fuq il-mejda tal-kamra juri wkoll li l-uffiċċju tal-awditur ġenerali huwa sodisfatt bil-kwalità tal-ispezzjonijiet osservati fuq is-servizz ta’ tal-linja.
L-Awditur Ġenerali Charles Deguara nnota li hemm nuqqas ta’ spetturi li huma responsabbli li jwettqu spezzjonijiet varji fuq il-karozzi tal-linja fost l-oħrajn.
Intqal li taqsima ta’ customer care fi ħdan it-trasport pubbliku qiegħed jagħmel sforzi sabiex jestendi l-viżibiltà tiegħu biex jagħti għajnuna lill-klijenti tas-servizz tat-trasport.
Fir-rapport tal-awditur ġenerali jingħad li sar investiment f’sistema ġdida tal-informatika li għandha l-għan li tawtomizza fost l-oħrajn ilmenti jew mistoqsijiet li jidħlu dwar it-trasport pubbliku.
Fuq medda ta’ ħmistax-il sena il-kuntratt tat-trasport pubbliku għandu jiġi jiswa iktar minn erba’ mija u tletin miljun ewro.
Il-kumpanija Malta Public Transport għandha flotta ta’ erba’ mija u ħamsin karozza tal-linja u tagħmel kważi tmienja u tletin elf vjaġġ fil-ġimgħa fuq mija u ħdax-il rotta.