L-Awditur Ġenerali Charles Deguara żvoga dwar il-ħidma tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi, il-PAC, li hu mmexxi mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Dwar dan irrapportat ukoll It-Torċa fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd, fejn irrimarkat kif l-attitudni tal-Partit Nazzjonalista fil-kumitat dejqet lilu wkoll.
L-Awditur għamel l-osservazzjoni tiegħu waqt l-aħħar laqgħa tal-istess Kumitat dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.
Fil-fatt, l-Awditur Ġenerali rrimarka d-diżappunt tiegħu li dan il-Kumitat mhuwiex jagħmel skrutinju biżżejjed fuq ir-rapporti tal-uffiċċju tiegħu.
“Irridu nwessgħu iżjed il-firxa wiesgħa ta’ suġġetti. F’dawn is-sentejn, u d-deputat jaf x’qed ngħid, dawn is-sentejn ħriġna ’l fuq minn 20 rapport. Ftit minnhom, mhux ftit minnhom, il-maġġoranza ma missejnihomx u jiġu n-nies tagħna, għandhom pride fix-xogħol tagħna, jien tgħaġġibni din ta’ jiena ħaġa li napprezza fin-nies tagħna, kemm għandhom pride fix-xogħol tagħhom. ‘Imma charles għamilna dan l-audit tajjeb, lanqas messu l-PAC, lanqas qabdu’.” U allura dan hu l-appell tiegħi.”
Charles Deguara – L-Awditur Ġenerali
F’botta ċara lejn l-aġir tal-membri tal-Oppożizzjoni li ppolitiċizzaw wisq dan il-Kumitat, tant li anke jixxandar b’mod dirett fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista, l-Awditur Ġenerali qal hekk:
“Jien nixtieq il-PAC isir inqas politiku u iżjed tekniku, jiġifieri dik hi x-xewqa tiegħi fl-aħħar sentejn u nofs.”
Charles Deguara – L-Awditur Ġenerali
Hu fatt magħruf li ħafna mid-drabi li jitlaqqa’ dan il-Kumitat, aktar iva milli le, iqumu dibattiti partiġġjani, li warajhom ikun hemm l-instigar tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, bl-iskop li jirbħu l-punti politiċi għall-iskopijiet partiġġjani tagħhom.
Dan bħalma hu fatt magħruf ukoll li l-aġir negattiv tant rinomat tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, taħt it-tmexxija ta’ Beppe Fenech Adami f’dan il-kumitat parlamentari, baqa’ jiddomina wkoll taħt it-tmexxija tas-suċċessur tiegħu, Darren Carabott.