Sa Settembru li għadda l-Gvern nefaq ħames mija u tnejn u disgħin miljun ewro f’għajnuna finanzjarja waqt l-imxija.
F’rapport tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali b’rabta mal-miżuri meħuda mill-Gvern biex itaffi l-effetti tal-pandemija Covid-19 ingħatat ħarsa ġenerali lejn il-miżuri fiskali fis-seħħ sat-tmiem Settembru li għadda.
Hawn ġie spjegat li l-għajnuna tal-Gvern inkludiet tqassim ta’ fondi, dħul differit mit-taxxi u garanziji bankarji.
Dan sabiex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi billi fost oħrajn jiġi inċentivat il-konsum b’mod sinifikanti f’xi setturi bħat-turiżmu u l-ikel.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali kompla jgħid li segwa wkoll mill-qrib ix-xogħol relatat mal-COVID-19 ta’ istituzzjonijiet ta’ verifika oħrajn u qed jipparteċipa b’mod attiv fi grupp ta’ ħidma Ewropew inkarigat li jħejji u jippubblika rapporti tal-verifika dwar ir-reazzjoni tal-Gvernijiet nazzjonali għall-imxija.