L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika kkonferma li ma sar xejn ħażin mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg dwar il-proġett taċ-ċentru interpretattiv f’Ħad-Dingli.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Awditur qal li l-allegazzjonjiet prinċipali implikaw li l-Ministru Ian Borg, dak iż-żmien sindku ta’ Ħad-Dingli kellu xi interess personali f’dan il-proġett u li fondi Ewropej intużaw b’mod ħażin.
Madankollu, l-Awditur qal li din l-investigazzjoni ma sabitx evidenza li tikkorrabora l-allegazzjonijiet ta’ kollużjoni u ta’ użu ħażin tal-fondi Ewropej minn uffiċjali pubbliċi, inkluż minn Ian Borg waqt l-ippjanar, l-iżvilupp u l-operat taċ-ċentru interpretattiv f’Ħad-Dingli.
Din l-investigazzjoni lanqas ma sabet evidenza li turi li Dr Borg kellu xi interess personali f’dan in-negozju jew li kien jirċievi pagament ta’ €2,000 fix-xahar kif kien allegat.
L-Awditur żied jgħid li lanqas ma nstabet evidenza li tikkonferma l-allegazzjonijiet li min ħa l-kuntratt kellu informazzjoni privileġġjata li wasslet biex tkun irreġistrata kumpanija privata mal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji tlett ijiem qabel il-ħruġ tas-sejħa tal-offerti.
Mill-investigazzjoni ħareġ ukoll li meta d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi xehed quddiem l-Awditur Ġenerali huwa ċaħad li semma xi ammont ta’ flus li allegatament kien qiegħed jirċievi Borg minn dan il-proġett. Huwa kkonferma wkoll li ma kellu ebda evidenza biex jissostanzja dawn l-allegazzjonijiet.
B’reazzjoni, Dr Borg qal li hu ta’ sodisfazzjon li min ipprova jħammiġlu ismu ngħata r-risposta. Sostna li l-persuna li għamlet l-allegazzjonijiet kienet qed iserraħ fuq dikjarazzjonijiet ta’ Jason Azzopardi li hu stess iddikjara li minn dak li ġie allegat m’hemm xejn.