L-Awditur Ġenerali rrikonoxxa l-isforzi nazzjonali tal-Gvern sabiex jeqred il-faqar.
Dan f’analiżi mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika hekk kif innota li l-miżuri tal-Gvern indirizzaw b’mod pożittiv il-vulnerabbiltajiet ta’ gruppi partikolari.
Fil-fatt l-Awditur Ġenerali nnota wkoll kif skont in-Nazzjonijiet Uniti Malta laħqet il-mira relatata mal-qerda tal-faqar assolut.
Fl-analiżi tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ġew imqabbla l-kundizzjonijiet tal-ħajja fl-2018 ma’ dawk tal-2008 u l-2015.
Hawnhekk ġie mmarkat progress sostanzjali b’inqas nies f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.
B’reazzjoni, il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali laqa’ l-analiżi mill-Awditur Ġenerali u qal li s-suċċess tal-Gvern fil-ġlieda kontra l-faqar kien riżultat tal-mijiet ta’ miżuri u inizjattivi li l-gvern daħħal fis-seħħ mill-2013.
Il-Ministeru qal ukoll li ħa nota tar-rakkomandazzjonijiet jew osservazzjonijiet kollha li għamel l-Awditur Ġenerali, anke jekk uħud minn dawn huma bbażati fuq opinjonijiet suġġettivi li saru minn xi għaqdiet volontarji u minn xi akkademiċi.
Huwa spjega: “Kollox ma’ kollox ir-rapport huwa pożittiv u għal darb’oħra jipprova jew aħjar jikkonferma dak li ilna ngħidu aħna. Naturalment nilqgħu dawn ir-rakkomandazzjonijiet u nħarsu lejhom u nevalwhom sabiex nimplimentaw u nindirizzaw fejn fadal naħdmu iktar.”
Il-Gvern qal ukoll li se jibqa’ impenjat biex ikompli jdaħħal aktar miżuri soċjali kif għamel fl-aħħar seba’ snin għaliex għal dan il-gvern, il-faqar huwa realtà u mhux perċezzjoni.