L-Awditur Ġenerali waqqa’ l-argument tal-Partit Nazzjonalista li l-proċess tat-tender tal-power station tal-Electrogas kien ivvizzjat. Huwa għamel dan waqt li kien qed jixhed f’sessjoni oħra tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi li ddiskutiet il-kuntratt tal-electrogas.
L-Awditur Ġenerali, is-Sur Charles Deguara qal, “Tista’ tikkonferma din? Il-proċess kien ivvizzjat jew le? Jekk se tkun oġġettiv il-proċess la kien ħażin kollu u lanqas perfett. Kien fin-nofs kien hemm aspetti faħħarniehom u kien affariijiet li setgħu saru aħjar. Però ma tistax tgħid li l-proċess kien ivvizzjat.”
L-Awditur Ġenerali kkonferma wkoll li s-Security of Supply, jiġifieri li f’pajjiż ikollok aktar minn sors wieħed tal-ġenerazzjoni tal-elettriku kien daħal fis-seħħ fl-2012.
Huwa sostna: “Id-diversifikazzjoni u security of supply ssemmiet f’policy tat-2012. Tagħmel sens. Żgur mhux kontroversja li Gvern tal-ġurnata jkollu sorsi differenti tal-enerġija. Ma jkunx dipendenti.”
Fl-istess waqt d-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus ikkonferma li bl-interconnector biss id-domanda tal-elettriku f’pajjiżna ma tkunx koperta.
Callus stqarr: “Aħna qatt m’għedna li l-interconnector huwa suffiċjenti.”
Dwar l-Interconnector l-Awditur Ġenerali kkonferma wkoll li huwa l-irħas f’ħinijiet fejn id-domanda għall-elettriku tkun baxxa.
B’rabta ma’ dan l-Awditur Ġenerali ġie mitlub jikkummissjona studju biex janalizza perjodu ta’ sena u nofs bil-għan li jikkumpara l-prezzijiet tal-powerstation tal-Electrogas ma’ dawk tal-Interconnector sal-aħħar tal-2020.
Dan l-eżerċizzju se jerġa’ jsir hekk kif tul il-perjodu tar-rapport maħruġ mill-Awditur Ġenerali, jiġifieri bejn April 2017 u Ġunju 2018, il-powerstation il-ġdida ma kinitx għadha qed topera bil-kapaċità kollha tagħha u l-prezz tal-ġenerazzjoni tal-elettriku kien ogħla min-norma.