Fi stqarrija l-Partit Laburista nnota kif l-Awditur Ġenerali ġab fix-xejn l-attakki insensati u bla bażi li ilhom isiru mill-Partit Nazzjonalista biex itellfu l-investiment f’pajjiżna permezz tal-cash rebate fl-industrija tal-films.
Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali ddikjara b’mod ċar li l-cash rebate huwa għodda importanti għall-investiment dirett barrani tal-produzzjonijiet ċinematografiċi, filwaqt li saħaq li dan l-inċentiv qed jikkontribwixxi valur ekonomiku lill-pajjiż.
Ġie nnutat li l-Awditur infatti jaqbel mal-istudju li sar mill-Kummissjoni tal-Films dwar il-cash rebate, li minnu jirriżulta li għal kull €1 li jieħu f’cash rebate, film barrani jiġġenera €3 lill-ekonomija Maltija. Dawn ir-rimarki li saru fir-rapport tal-Awditur Ġenerali jikkuntrastaw bil-kbir mal-attakki li saru mill-Partit Nazzjonalista, li kien jgħid li l-cash rebate mhu xejn għajr tberbiq tat-taxxi tal-poplu u li mhu jħalli xejn fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
L-Awditur Ġenerali rrikonoxxa wkoll il-ħolqien ta’ impjiegi minn din l-industrija. Impjiegi ta’ kwalità li qed igawdu minnhom il-ħaddiema Maltin u l-Għawdxin kif gawdew minn rekord ta’ produzzjonijiet li ġew f’pajjiżna. F’7 snin, Malta attirat films li bejniethom kellhom budgets ta’ madwar €600,000 miljun.
L-istqarrija temmet tgħid kif l-Awditur Ġenerali ġab fix-xejn il-kritika ta’ Oppożizzjoni li kienet inqabdet point-blank ma tafx kif jaħdem il-cash rebate. Bużżieqa oħra li nfaqgħet f’wiċċ il-Partit Nazzjonalista wara li lbieraħ fil-Qorti ħareġ tellief talli pprova jagħmel sarima ħalli l-poplu ma jkunx infurmat dwar kif se jolqtu l-Budget 2025.
Aqra wkoll: