L-Awditur Ġenerali sab li l-qtugħ tad-dawl irrapportat fis-sajf tal-2023 kien xprunat minn temperaturi għoljin, li ġew esperjenzati b’mod sostnut għal numru ta’ ġranet konsekuttivi.
Temperaturi li kienu xi ħaġa mhux tas-soltu għal perjodu daqshekk twil u, fil-fatt, kienu l-ogħla fil-perjodu analizzat ta’ diversi snin, kif kien ukoll il-każ f’diversi pajjiżi oħrajn Ewropej.
Biex b’hekk il-qtugħ tad-dawl kien riżultat ta’ ħsarat mifruxa mal-High Voltage netwerk. Fil-fatt, fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali nnota li l-mewġa tas-sħana kif ukoll ż-żieda fl-ogħla domanda għad-dawl, kienu r-raġunijiet ewlenin wara dawn il-ħsarat.
Filwaqt ukoll li l-Awditur Ġenerali sab li l-investiment kapitali fin-netwerk deher jonqos partikolarment fl-aħħar snin, innota wkoll li l-Enemalta tiffaċċja diversi sfidi, li jxekkluha milli tesegwixxi proġetti u xogħlijiet ippjanati, anke jekk dawn ikunu ġew ibbaġitjati.
Intant, fi tmiem ir-rapport tiegħu, ir-rapport tal-Awditur Ġenerali sab li kien hemm żieda sinifikanti fl-investiment kapitali fin-netwerk wara dak li seħħ fis-sajf tal-2023, indikazzjoni li l-Gvern jirrikonoxxi l-importanza strateġika li jindirizza r-riskji marbuta ma’ dan l-inkonvenjent.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli nnotat ir-rapport tal-Awditur Ġenerali hekk kif sostniet li l-għan tagħha hu li tħalli infrastruttura tal-elettriku ħafna aktar reżiljenti u proprju għalhekk li, għal din is-sena, ġew allokati €55 miljun favur infrastruttura aktar b’saħħitha.
Il-Ministru Dalli filwaqt li rrikonoxxiet id-diversi sfidi marbutin ma’ dan ix-xogħol delikat, innotat ukoll li l-Awditur sejjaħ għal aktar tisħiħ fl-ippjanar u għalhekk sostniet li qed twieġeb għal din is-sejħa b’aktar xogħol u investiment li jkompli jindirizza l-ħtiġijiet tan-nies u l-futur tal-pajjiż.