Fl-aħħar snin saret trasformazzjoni sħiħa u pożittiva tal-Awtorità Maltija għall-Mediċini b’direzzjoni strateġika li poġġiet lill-Awtorità fuq bażi soda biex twettaq il-viżjoni tagħha bħala ċentru ta’ eċċellenza. Hekk sab rapport tal-awditur ġenerali li ġie ppreżentat fil-Parlament.
ONE News tkellem mac-Chairman tal-Awtorità, il-Professur Anthony Serracino Inglott, li spjega kif din it-trasformazzjoni kienet teħtieġ azzjonijiet fuq l-livell amministrattiv, finanzjarju u tekniku.
Stqarr kif bħala awtorità jkollha bżonn professjonisti li jkunu għamlu kisbiet akkademiċi kbar fil-qasam u għalhekk spjega kif l-awtorità bdiet tħeġġeġ lil infermiera Maltin sabiex ikomplu jistudjaw u jkunu jistgħu jaħdmu mal-awtorità.
Prof. Serracin Inglott qal: “Mexxejna ‘l quddiem l-għerf tal-Maltin, l-għerf tal-ispiżjara li għandna impjegati ġol-awtorità. Dan għamilnieh b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta fejn l-ispiżjara ġew offruti li jagħmlu dottorat ta’ interess lokali u interess Ewropew.”
Ir-rapport jistabilixxi li r-reklutaġġ għalkemm żdied segwa prattiiċi tajbin, b’policies tal-awtorità li jistabilixxu l-proċeduri. Dawn il-konklużjonijiet kienu bbażati fuq tmintax-il sejħa għall-applikazzjoni li rriżultaw fi 33 reklutaġġ fl-2019.
Ir-rapport tal-awditur juri kif in-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-awtorità żdied minn 36 fl-2012 għal 88 fl-aħħar tal-2019 u għalhekk in-nefqa fil-pagi telgħet minn €1.1 miljun għal €3.4 miljun fl-istess perjodu. Madankollu, l-awtorità saret awtorità li finanzjarjament kapaċi ssostni lilha nnifisha hekk kif mill-2016 l-awtorità rreġistrat bilanċ ta’ aktar minn miljun ewro.
Il-Professur Serracino Inglott spjega kif ir-reputazzjoni tajba tal-awtorità kienet kruċjali sabiex l-awtorità tkun tista’ tagħmel xogħlijiet barra minn pajjiżna. Dan filwaqt li ġie mwessa’ l-mandat tal-awtorità għall-mediċini.
Huwa stqarr: “Issa ksibna reputazzjoni mhux biss f’Malta imma anke iżjed qawwija r-reputazzjoni mal-Ewropa kollha bħala awtorità ta’ ċertu statura, awtorità, li issa ħadet xogħol pereżempju li qabel kien isir mill-awtorità ingliża l-MHRA u li issa irid isir fl-Ewropa u l-awtorità Maltija ħadet dan ix-xogħol.”