Il-Membru Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Leo Brincat, ippreżenta lill-Awditur Ġenerali Charles Deguara kopja tar-Rapport Annwali tal-Qorti Ewropea.
Dan waqt żjara fl-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, it-Tnejn filgħodu.
Fid-diskors tiegħu, Leo Brincat tenna li dan ir-rapport jixhed il-koperazzjoni li qed dejjem tissaħħaħ bejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur.
Dan speċjalment fiż-żmien tal-pandemija u t-triq ’il quddiem, issa li ħafna pajjiżi bdew ħerġin minn din il-kriżi.
Fil-fatt Leo Brincat sostna kif dan iż-żmien preżenta sfidi ġodda partikolarment minħabba bżonn ta’ iktar awditjar minħabba l-fondi Ewropej allokati mal-irkupru mill-pandemija: “Bil-pjan ta’ rkupru tal-UE, qed nitkellem b’mod globali, u żżid miegħu l-programm normali tal-infieq, l-MFF, il-Budget tal-Unjoni f’daqqa waħda rdoppja u tela’ mhux għal €1.8 biljun, imma €1.8 triljun. Meta inti trid tawdittja d-doppju ta’ ki kont tagħmel qabel ovjament ix-xogħol se jiżdiedlek.”
Min-naħa tiegħu,-Awditur Ġenerali Charles Deguara rrimarka l-isfidi tal-aħħar snin minħabba l-pandemija.
Minkejja dan, huwa magħna spjega kif l-uffiċċju wettaq rekord ta’ ħidma li tkompli tassigura aktar governanza tajba f’pajjiżna: “Bis-saħħa tan-nies tagħna nista’ ngħid li l-lħaqna l-pjan ta’ ħidma tagħna tas-sena sħiħa anzi fit-2020 ħriġna iżjed audits mis-snin ta’ qabel u dan kif għidt qabel huwa mertu tal-istaff tagħna.”